Ambjent Lokali

Leo Brincat jgħid li jsemma’ leħnu dwar l-ambjent waqt il-laqgħat tal-Kabinet; il-PN jistaqsi min qed jieħu d-deċiżjonijiet

Iffaċċjat bil-kritika tal-għaqdiet ambjentali, li ddeskrivewh bħala Ponzju Pilatu għaliex jaħsel idejh minn kull kontroversja, il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat qal li hu jsemma’ leħnu waqt il-laqgħat tal-Kabinett.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Iżvilupp Soċjali, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Charlo Bonnici qal li Leo Brincat irid jirrealizza li huwa hu l-Ministru tal-Ambjent, u r-rwol tiegħu mhux ta’ xi għaqda ambjentali li tagħmel pressjoni fil-Gvern, iżda r-rwol tiegħu huwa ta’ policy-maker u li jieħu d-deċiżjonijiet.

Leo Brincat, flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat, irid iġorr hu r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu, jew aħjar ma jittieħdux, ikompli jgħid Charlo Bonnici.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-ittra li bagħtu sitt eks Presidenti tal-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa lill-Prim Ministru Joseph Muscat hija waħda bla preċedent.

Itemm jgħid li Leo Brincat u l-Prim Ministru ma jistgħux jibqgħu jaħslu idejhom.