Lokali Qorti

Seba’ xhur ħabs għal frodista fost biki fil-Qorti u tgħid li hija tqila

Annabelle Camilleri Monreal ta’ 28 sena mix-Xemxija ġiet kundannata seba’ xhur ħabs mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara ammettiet li x-xahar li għadda ffrodat Ingliż wara li krietlu appartament f’San Pawl il-Baħar, liema appartament mhuwiex propjeta’ tagħha.

Camilleri Monreal iffrodat lil John Palmer, ta’ nazzjonalita’ Ingliża billi ħaditlu s-somma ta’ elf ewro, li kienu €600 bħala depożitu u €400 għal kirja ta’ xaħar.
Id-depożitu ttieħed lil Palmer biex jekk huwa ma jonorax il-ftehim ta’ sena kirja għall-appartament, hija tkun koperta billi teħodlu d-depożitu.

L-appartament huwa wieħed lussuż u jinsab faċċata tal-baħar u li dan huwa propjeta’ ta’ persuna li krieh lil Annabelle Camilleri Monreal għal jumejn, u li f’dan iż-żmien hija għamlet kopja taċ-ċavetta tal-appartament, biex seta’ jkollha aċċess tidħol fih u turieh lil Palmer.

Fil-Qorti l-mara ma kienitx ċerta jekk kienitx se tammetti jew le u f’ħin bdiet tibki u tistaqsi jekk jaqbillix tammetti jew le, u qalet fl-awla li qed tistenna tarbija. Finalment iddeċidiet li tammetti, anke jekk wara appellat mis-sentenza mogħtija.

Wara l-appell, saret talba għal liberta’ proviżorja fil-konfront tagħha mill-Avukati Veronique Dalli u Noel Bianco, liema talba kienet milqugħa fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €10,000. Il-flus iffrodati lill-Ingliż ġew ritornati lilu. Hija nstabet ħatja wkoll li kisret kundizzjoni mill-Qorti tal-Maġitrati waqt li kienet bil-liberta’ proviżorja.

Il-mara għandha diversi każijiet oħrajn pendenti fil-Qorti fosthom, falsifikazzjoni ta’ e-mail, fejn anke allegatament żeffnet fin-nofs lil mara tal-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi, Kate Gonzi, li allegatamnent iffrodat lil diversi persuni li mingħalihom kienu krew “farmhouse” f’Għawdex, meta din il-“farmhouse” jew ma kienitx tagħha, inkella lanqas biss kienet teżisti.

Hija qed tiġi mixlija wkoll f’każ ieħor bi frodi fil-konfront ta’ kumpanija li kienet taħdem magħha. Il-każ kien allegatament seħħ f’Mejju 2013 meta Monreal kienet impjegata mal-kumpanija Zahra Trading and Properties.

Qed ikun allegat li Monreal ikkonvinċiet lill-kumpanija, li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq kien ħareġ tender u li hi kienet se tgħinhom. Hi talbtihom €3,000 biex tagħmlilhom il-preparamenti kollha ħalli l-kumpanija tirbaħ tender dwar ħajt tas-sejjieħ li kellu jinbena mill-ġdid. Hi qalet li kellha tkellem lis-Sindku taż-Żurrieq Ignatius Farrugia. Madankollu, fil-Qorti rriżulta li dan it-tender qatt ma eżista.