Lokali

Dimostrazzjoni kontra l-bini tal-lukandi mal-kosta ta’ Marsaskala

Iktar minn mitt ruħ, b’mod partikolari residenti ta’ Marsaskala, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun bħalissa qed jieħdu sehem f’mixja siekta miż-Żonqor, f’Marsaskala, sax-Xagħjra u lura.

Mixja li saħansitra ġibdet lejha residenti barranin li jgħixu fl-inħawi, kollha bl-għan li jwasslu messaġġ kontra l-iżviupp propost għal din il-parti tal-kosta Maltija.

Dan wara li fl-aħħar ġranet tħabbar pjan biex f’din iż-żona jinbnew tliet lukandi.

L-ilment ta’ dawn ir-residenti hi li din hi art pubblika, li tinsab barra mis-sit tal-iżvilupp.

Il-folla, li tinkludi nies ta’ kull eta’, qed tesprimi tħassib dwar id-danni ambjentali li jaf iħalli żvilupp f’din iż-żona, b’mod partikolari lil ekosistema tal-madwar.