Il-Gvern Laburista jinsab f’ġirja biex iwettaq il-wegħdiet li għamel, fuq manifest li kkontradixxa lilu nnifsu għax wiegħed l-iżvilupp u fl-istess ħin wiegħed li se jipproteġi l-ambjent.
Dan kien kliem Simone Mizzi, il-President tal-Għaqda Non-Governattiva “Din L-Art Ħelwa”, li f’intervista li dehret fuq il-gazzetta The Sunday Times of Malta, tenniet li l-protezzjoni li l-Gvern wiegħed għal ambjent “ma tidhirx”.
Hi tenniet li m’hemm l-ebda pjan ġenerali għal bini f’Malta u xebħet l-iżvilupp f’Malta mal-bini ta’ ħafna kmamar mingħajr ma taf kif se jiġi l-bini meta kollox jitlesta.
Flimkien mal-eks-Presidenti ta’ Din L-Art Ħelwa, Simone Mizzi bagħtet ittra lil Prim Ministru Joseph Muscat fejn ġibdulu l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ salvagwardji biex jipproteġi l-pajsaġġ Malti.
L-ittra ntbagħtet xahar ilu, imma s’issa għadhom bla tweġiba.
Simone Mizzi rreferiet ukoll għax-xogħol li sar fl-aħħar 25 sena, fejn, minkejja diffikultajiet, tnisslet kuxjenza ambjentali u tfasslu liġijiet tal-ippjanar. Iżda bl-aġir tal-aħħar xhur, dan kollu qiegħed f’riskju li jinqered, qalet il-President ta’ Din L-Art Ħelwa.
Hi ddeskriviet l-kuxjenza ambjentali tal-Gvern Laburista bħala waħda li tinsab “taħt iż-żero”, speċjalment bil-firda fil-Ministeri tal-ambjent u tal-iżvilupp. Din dagħjfet ħafna l-pożizzjoni tal-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat, li ddeskrivitu bħala Ponzju Pilatu.
Simone Mizzi irreferiet ukoll għal pjan ta’ żvilupp ta’ tliet lukandi fil-kosta ta’ Marsaskala, żvilupp li l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, iddeskrivieha bħala bżonn biex tbiddel dik li skont hu hi żona “mitluqa”.
Mizzi tenniet li n-Nofsinhar għandu jkun żviluppat, imma mhux b’bini ġdid f’żoni ambjentali. L-iżvilupp fin-Nofsinhar tal-pajjiż għandu jsir b’investiment fis-settur tas-sajd, fil-varjeta’ ta’ ikel offrut u fl-ilmijiet nodfa, temmet tgħid il-President ta’ Din L-Art Ħelwa.
//= $special ?>