Żvilupp fil-każ tal-għoti tal-konċessjoni ta’ Casino ieħor f’Malta hekk kif il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef laqgħet it-talba ta’ Dragonara Gaming Limited biex nhar it-Tnejn jixhdu fil-Qorti l-Kap tal-Unit tal-Privatizazzjoni tal-Gvern u l-eks Imħallef Geoffrey Valenzia, li kien iċ-chairman tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni fil-proċess tal-għoti ta’ konċessjoni ta’ Casino lil Eden Leisure Group, li kollox jindika li ma kelliex l-aħjar offerta minn fost kumpaniji oħra b’offerti aħjar.
Il-każ imur lura s-sena 2013, meta l-Prim Ministru Joseph Muscat kien beda proċess biex tingħata konċessjoni għal casino ieħor f’Malta. Proċess li wassal biex eventwalment, il-kumpanija bl-aqwa offerta ma ntgħażlitx.
Il-fatt li ma ntagħżlitx l-aqwa offerta, dik ta’ Dragonara Gaming Limited, wassal biex din il-kumpanija preżentat mandat fil-Qorti fejn esprimiet l-opinjoni li l-Gvern ta’ Joseph Muscat, bl-għażla li għamel, wera li aktar jinteressah li jixtri l-ħut fil-baħar milli jieħu l-aħjar offerta li saritlu, li hi bil-wisq akbar minn dik li għażel.
Fl-aħħar jiem, IL-MUMENT ippubblika artiklu li fih ġie spjegat il-proċess hekk deskritt ‘bizzilla’ u li wassal biex Eden Leisure Group intagħżlet biex tiżviluppa Casino f’Malta minkejja li kollox jindika li ma kelliex l-aqwa offerta; proċess deskritt bħala ‘ivvizzjat’ u ‘mħawwar b’irregolaritajiet li joħolqu tħassib serju’.
L-ewwel pass kien dak fejn (dak iż-żmien) is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis ħatar kumitat bl-iskop li tingħażel il-kumpanija legali li kellha tgħin fil-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ din is-sejħa għall-offerta ta’ Casino ġdid.
Il-proċess kompla bil-Ministru Chris Cardona joġġezzjona għall-għażla ta’ kumpanija legali minn dan il-kumitat maħtur, tant li ordna li l-klassifikazzjoni tinbidel, bid-deċiżjoni ta’ Chris Cardona tkun waħda finali.
Dan kien wassal biex iċ-Chairman tal-Unit tal-Privatizazzjoni, Emmanuel Ellul, jirreżenja mill-kariga tiegħu.
Wara r-riżenja ta’ Ellul, il-Unit tal-Privatizazzjoni tal-Gvern ħarġet is-sejħa għall-konċessjoni ta’ żewġ Casinos (wieħed f’Malta u l-ieħor f’Għawdex).
Dan il-proċess kien konkluż fl-aħħar ta’ Lulju 2013 hekk kif il-Unit tal-Privatizazzjoni stiednet lill-ħames applikanti biex jibdew il-proċess hekk imsejjaħ ‘Request for Proposals’.
Fost il-ħames parteċipanti kien hemm id-Dragonara Gaming Limited, IHI Corinthia, Polidano, EdenLeisure Group u Sean Bank Hotel.
F’Settembru 2013, il-ħames kumpaniji ssottomettew l-offerti tagħhom lill-Unit tal-Privatizazzjoni fejn jirriżulta li Dragonara Gaming Limited kellha l-aqwa offerta b’€4,376,505. L-offerta tal-Eden Leisure Group kienet ta’ €1,250,000.
Fi Frar tal-2014, il-Unit tal-Privatizazzjoni informa lid-Dragonara Gaming Limited u lill-Eden Leisure Group li kienu ġew ‘shortlisted’ minn fost il-ħames kumpaniji u talbithom biex jissottomettu preżentazzjoni lill-Kumitat Tekniku.
Il-Kumitat Tekniku kien stabbilit biex jevalwa l-kreddibilta’ tal-viżjoni li ż-żewġ kumpaniji kienu qed jissottomettu fl-offerta tagħhom dwar kif kienu qed jaħsbu li se jikber is-suq fis-snin ta’ wara.
Wara dawn il-preżentazzjonijiet, iż-żewġ kumpaniji tħallew xhur fl-agħma. Kien hawnn li d-Dragonara Gaming Limited bagħtet sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Unit tal-Privatizazzjoni biex tkun aġġornata bis-sitwazzjoni kif kienet qed tiżviluppa.
Kien imbgħad f’Ottubru 2014 li d-Dragonara Gaming Limited ġiet infurmata mill-Unit tal-Privatizazzjoni li l-offerta ta’ Eden Leisure Group kienet superjuri.
Fl-aħħar jiem, il-mezzi tax-xandir ta’ Media.Link Communications staqsew lill-awtoritajiet biex jgħidu minn kienu l-membri tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u biex jgħidu jekk hux minnu li dan il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni kellu l-membri tiegħu (jew uħud minnhom) mibdula b’mod ripetut.
Kollox jindika li d-Dragonara Gaming Limited kellha offerta aħjar… ta’ tliet darbiet u nofs aktar minn dik tal-Eden. Ma naqasx, allura, li d-Dragonara Gaming Limited tagħmel Mandat ta’ Inibizzjoni fil-Qorti kontra l-Ministru tal-Finanzi, il-Ministru tal-Ekonomija u l-Unit tal-Privatizazzjoni.
Nhar it-Tnejn il-każ ikompli fil-Qorti, fejn mistennija jixhdru l-Kap tal-Unit tal-Privatizazzjoni u Geoffrey Valenzia li kien iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni.
Jidher ukoll li l-Eden Leisure Group talbet li tintervjeni fil-mandat biex tkun involuta, iżda l-Qorti ma laqgħetx it-talba tagħhom.
//= $special ?>