Internazzjonali

Is-summit jintemm b’wegħda għal tkabbir ekonomiku

Il-Prim Ministru Awstraljan Tony Abbott temm is-summit tal-G20 billi żvela, b’mod dettaljat, il-wegħdi ekonomiċi maqbula mill-mexxejja dinjija. Il-mexxejja qablu li jsaħħu l-ekonomiji tagħhom b’minn tal-inqas 2.1 fil-mija sal-2018 u b’hekk se jkunu qed iżidu $2 triljun għall-ekonomija dinjija.

Skont l-analisti ekonomiċi, din hi mira ambizzjuża ħafna għal ħafna mill-aktar 20 ekonomija li qed jitħabtu ma riċessjoni jew ma’ xi tkabbir negliġibbli. Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Awstraljan qal li dawn ir-riformi se jkunu qed joħolqu mijiet ta’ impjiegi. Hu wkoll tkellem dwar pjani sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.

Fis-summit saret referenza għall-pożizzjoni tal-President Russu Vladimir Putin dwar il-kriżi fl-Ukrajna. Putin ħabbat wiċċu ma’ kritika qalila u ħalla s-summit qabel ma dan intemm, iżda stqarr li s-summit kien “kostruttiv”. Vladimir Putin saħaq li hu kien se jitlaq mis-summit qabel ma joħroġ komunikat uffiċjali, bi skuża li għandu vjaġġ twil lura d-dar fir-Russja u dwar il-bżonn biex imur jorqod.

L-Awstralja, bħala l-pajjiż li laqa’ is-summit, ħadem biex jiffoka dwar kwistjonijiet ekonomiċi, imma l-kwistjonijiet tal-bidla fil-klima u l-konflitt fl-Ukrajna ġibdu attenzjoni partikulari.