Jum biss qabel it-tħabbir tal-baġit għas-sena 2015, u għadna nistennew numru ta’ proposti mwegħda fil-baġit li għadda.
F’artiklu fuq The Sunday Times of Malta, jissemmew numru xokkanti ta’ proposti u wegħdiet li għamel il-Gvern ta’ Muscat is-sena li għaddiet, fosthom li jiċċaqlaq il-monti tal-belt Valletta, jew li jibda x-xogħol fuq flyover fil-Kappara.
Fil-baġit li għadda, il-Gvern Laburista kien wiegħed ukoll li l-karozzini u trakkijiet kbar mhux se jitħallew jgħaddu mit-toroq fil-ħinijiet tar-rush hour, jew li jinbeda x-xogħol fuq il-breakwater fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Wegħda oħra kienet dik li jsir konvenju kostituzzjonali, jew li titnieda kampanja informattiva kontra l-evażjoni tat-taxxa.
Kellu jibda wkoll il-bini ta’ qrati f’Għawdex, il-ħolqien ta’ postijiet ta’ parkeġġ ġodda, ir-reviżjoni tal-Onorarja mħallsa lid-Deputati skont l-attendenza tagħhom għas-seduti parlamentari, il-ħolqien ta’ korporazzjoni li tieħu ħsieb l-esplorazzjoni għaż-żejt fl-ibħra Maltin jew inkella ir-riforma fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, li waqfet fl-istadju ta’ white paper.
Kollha wegħdiet li baqgħu fuq l-ixkaffa.
U biex jilħaq jintroduċi xi wegħdiet oħrajn, il-Gvern Laburista ftit tal-ġimgħat ilu għadda l-proposti tiegħu għal leave sabatiku għall-għalliema, filwaqt li ħabbar inċentivi favur il-pensjonijiet fl-aħħar ħin.
Iżda dawn tħabbru biss ftit ġimgħat qabel il-baġit, fi kliem The Sunday Times of Malta, bħala attentat fl-aħħar ħin biex il-Gvern jidher li wettaq iktar mill-wegħdiet tiegħu…wegħdiet li għadhom ma rawx id-dawl tax-xemx.
//= $special ?>