Lokali

L-Ambaxxatur ta’ Malta għal-Libja jippreżenta bukkett fjuri lil terrorista mfittex

Emmanuel Galea, l-Ambaxxatur ta’ Malta għal-Libja, fil-jiem li għaddew ippreżenta uffiċjalment bukkett fjuri lil Mahdi Al Harati, is-Sindku l-ġdid ta’ Tripli. Kif żveljana fil-ħarġa tad-19 ta’ Ottubru li għadda, Al Harati hu mfittex internazzjonalment b’konnessjoni ma’ attakk terroristiku f’Madrid f’Marzu tal-2004.

Al Harati għandu repertorju vast fejn jidħlu gwerer ċivili. Hu kien wieħed mill-kmandanti ewlenin tal-Brigata ta’ Tripli waqt il-gwerra ċivili fil-Libja u moħħ ewlieni fil-waqgħa tar-reġim ta’ Muammar Gaddafi. Hu kien ukoll protagonist fi grupp militanti fil-ġlieda ċivili kontra l-Gvern Sirjan. Fiż-żewġ pajjiżi jingħad li kien wieħed mill-imħuħ li ffaċilitaw id-dħul u l-preżenza ta’ membri fundamentalisti tal-Organizzazzjoni tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u fis-Sirja (ISIS).