Il-prezz tal-elettriku mill-interconnector hu n-nofs tal-prezz li l-Gvern intrabat bih mal-konsorzju electrogas għall-ħames snin li ġejjin.
Il-Gazzetta The Malta Independent tirrapporta li filwaqt li l-Gvern intrabat mal-konsorzju li jixtri l-elettriku ġġenerat mill-power station tal-Electrogas għal 9.6ċ kull KW, din il-ġimgħa, il-prezz tal-elettriku fil-peak rate – jiġifieri l-ogħla rata – kien ta’ 4.3ċ kull KW. In-nofs tal-prezz li bih il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi rabtu lill-Enemalta u l-konsumatur Malti.
F’ċertu każi, il-prezz kien saħansitra ta’ 3.6ċ kull KW, kważi t-terz tad-9.6ċ li se tħallas l-Enemalta.
The Malta Independent tgħid li dan il-ftehim ifisser li Enemalta se titlef, kemm fix-xiri kif ukoll meta tiġi biex tbiegħ l-elettriku.
Il-Gvern kien iddikjara li l-enerġija żejda tinbiegħ fis-suq Ewropew permezz tal-interconnector iżda b’dawn il-prezzijiet, se jkun diffiċli ħafna li jinstab xerrej għaliex l-enerġija li se tkun prodotta mill-Electrogas tiswa’ iktar mid-doppju tal-medja Ewropea.
L-uniku żewġ soluzzjonijiet huma li l-Gvern ibiegħ din l-enerġija bit-telf jew inkella ma tkunx iġġenerata enerġija żejda. Hawnhekk, issostni The Malta Independent, hu kruċjali li l-pubbliku jkun mgħarraf dwar il-kuntratt iffirmat mal-Electrogas. Speċifikament jekk il-Gvern rabatx lill-Enemalta li tixtri l-elettriku kollha li tiġġenera l-Electrogas mill-power station il-ġdida. Iżda sa issa, il-Gvern baqa’ jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt.
Element ieħor hu x-xiri tal-impjant tal-BWSC mill-kumpanija tal-Gvern Ċiniż Shanghai Electric. Wieħed jistenna li anki ċ-Ċiniżi qed jinsistu għal impenn bil-miktub mill-Gvern li jixtri l-elettriku iggenerat mill-impjant tal-BWSC ladarba jgħaddi f’idejhom.
//= $special ?>