Ekonomija Lokali

Muscat iwiegħed baġit ta’ ottimiżmu

Baġit ta’ ottimiżmu.

Kien b’dan il-kliem li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-baġit li se jkun qed iressaq il-Gvern nhar it-Tnejn fil-Parlament.

Joseph Muscat qal dan meta kien qed jindirizza attivita’ politika fiż-Żejtun dalgħodu.

Joseph Muscat qal li l-Gvern se jkun qed imur il-Parlament b’ottimiżmu kbir minħabba li l-gvern Laburista qed iwettaq dak li wiegħed. “Dan huwa dak li jagħmel lil dan il-gvern kburi” saħaq Joseph Muscat.

Joseph Muscat qal li l-Gvern se jkun qed jaħdem għal tqassim iktar ġust tal-ġid b’numru ta’ deċiżjonijiet li mistennija jħallu iktar flus fil-but tan-nies.

Huwa qal li dan il-baġit se jkun qed jippremja lil dawk li jridu jaħdmu u saħaq li n-nies iridu jgħinu lilhom infushom qabel ma jistennew għajnuna minn ħaddieħor. Huwa saħaq li hawn numru ta’ nies li llum qed jabbużaw mis-sistema fosthom nies qiegħda li fi kliem Joseph Muscat sempliċiment ma jridux isibu impjieg.

Joseph Muscat qal li bħalissa hawn l-ikbar numru ta’ nies li għandhom impjieg iżda fl-ebda ħin ma semma’ l-4,400 persuna li ddaħħlu jaħdmu mal-gvern f’sittax-il xahar.

Meta kien qed jindirizza l-attivita’ politika fiż-Żejtun, Joseph Muscat ammetta li ż-żieda ta’ 58 ċenteżmu għall-għoli tal-ħajja hija ftit iżda saħaq li ż-żieda hija daqshekk baxxa minħabba li ma kienx hemm żieda fl-għoli tal-ħajja.