Mill-Budget 2015 li se jinqara nhar it-Tnejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tistenna l-verita’ u l-onesta’. Tistenna li l-Gvern juri li kapaċi joħloq il-ġid u li l-ġid li jgħid li qed joħloq iqasmu b’mod ġust.
Dan kien kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, waqt intervista li kellu fuq Radio 101.
Mistoqsi mill-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Media.link Communications, Fabian Demicoli, Simon Busuttil qal li Gvern Laburista daħħal 4,400 persuna jaħdmu mal-Gvern f’16-il xahar.
Dwar dan Simon Busuttil staqsa: Kieku ma daħħalx dawn in-nies kollha mal-Gvern, kieku r-rata tal-qghad qegħda fil-livelli li qegħda llum jew ogħla?
Simon Busuttil kien mistoqsi wkoll: Għaliex il-kritika tal-Oppożizzjoni għat-tmienja u ħamsin ċenteżmu li l-Gvern se jagħti għall-għoli tal-ħajja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-mekkanizmu li jistabilixxi l-għoli tal-ħajja m’għandux jinbidel imma l-Gvern irid jara kif se jagħmel tajjeb u jqassam il-ġid li qed jgħid li qed joħloq.
Simon Busuttil, waqt l-intervista għamel referenza wkoll għall-prezz tal-Fuel, li hu l-ogħla fl-Ewropa.
Huwa fatt li lesta jew mhux lesta l-Powerstation li wieghed Joseph Muscat, il-kontijiet tal-enerġija għan-negozji se jorħsu. Iżda Simon Busuttil jgħid li din l-ikbar wegħda tal-Partit Laburista għandha verament tkun sostenibbli u mhux titwettaq b’pika.
Iżda fuq kollox, reġa’ saħaq, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Baġit ta’ għada għandu jkun wieħed onest.
//= $special ?>