Internazzjonali

Zoni kontrollati mis-separatisti jitilfu l-fondi mill-Ukrajna

Il-President tal-Ukrajna Petro Poroshenko ordna l-qtugħ tas-servizzi kollha tal-istat, fosthom l-iffinanzjar għal sptarijiet u skejjel, minn zoni kkontrollati mis-separatisti favur l-unjoni mar-Russja.

Il-President Poroshenko ħareġ digriet li wkoll talab lill-parlament biex jirtira liġi sabiex ir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk jiggvernaw b’mod indipendenti.

Id-digriet tal-President Poroshenko jgħid li l-kumpaniji u l-istituzzjonijiet kollha tal-istat għandhom itemmu xogħolhom f’Donetsk u Luhansk fi żmien ġimgħa. Jgħid ukoll li l-bank ċentrali għandu jagħlaq is-servizzi finanzjarji kollha – fosthom dawk tal-credit u d-debit cards – f’xi zoni fi żmien xahar.

Sadattant konvoj Russu, b’allegata għajnuna umanitarja, wasal f’Makeeva fil-Lvant tal-Ukrajna. Il-konvoj ikkonsista f’ħafna apparat speċjalizzat biex jibdel sistemi tal-elettriku li ġarrbu ħsarat kbar fi ġlied qalil li seħħ fix-xhur li għaddew.