Lokali Parlament

47 każ ta’ abbuż fuq anzjani f’San Vinċenz de Paule

Aktar minn nofshom b’rabta ma’ abbuż finanzjarju

Bejn is-sena li għaddiet u din is-sena, fir-Residenza San Vinċenz de Paule kienu rappurtati 47 każ ta’ abbuż fuq anzjani.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Michael Farrugia, responsabbli għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.

Informazzjoni li ngħatat fil-Parlament għal mistoqsija li saret mid-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, jirriżulta li s-sena li għaddiet kien hemm total ta’ 27 każ, filwaqt li matul din is-sena sal-lum kienu rappurtati 20 każ.

Jirriżulta wkoll li kien hemm 24 każ suspettuż b’rabta ma’ abbuż finanzjarju; 11-il każ relatat ma’ abbuż emozzjonali jew psikoloġiku, tmien każi suspettati ta’ abbuż fiżiku, żewġ każi riżultat ta’ telqa jew nuqqas ta’ kura; u żewġ każi suspettati oħra relatati ma’ abbuż sesswali.