“Ċempilli l-Ministru Cardona u qalli li se jissospendi x-xogħol tal-Kumitat li kien qed imexxi l-Imħallef Emeritu Valenzia”. Hekk stqarr iċ-Chairman tal-Unit tal-Privatizzazjoni Emanuel Camilleri meta dalgħodu fil-Qorti bdiet tinstema’ il-kawża li fetħet il-kumpanija Dragonara, fejn qed tallega li l-proċess tal-għażla għal liċenzja l-ġdida ta’ casino ġie ivvizjat.
Il-Ministru intervjena personalment
Din id-deċiżjoni qed jingħad li ttieħdet minħabba li kien qed jissemma’ kunflitt ta’ interess fl-istess Kumitat Tekniku immexxi minn Valenzia. Fil-Qorti issemma wkoll Edward Zammit Lewis, li anke hu daħal direttament f’dan il-każ għaliex sema’ b’dawn l-akkużi ta’ kunflitt ta’ interess.
Iżda, minkejja dan, l-erba’ membri tal-Kumitat kienu ffirmaw l-ittra li torbothom li m’għandhomx kunflitt. Għalhekk, xejn ma jindika li kien hemm kunflitt fix-xogħol tagħhom – għalkemm id-deċiżjoni li titwaqqaf il-ħidma tal-Kumitat Tekniku kienet ibbażata (almenu minn dak li ħareġ mill-Qorti) esklussivament fuq dan.
Intant, il-Qorti mistennija tagħti d-Digriet tagħha dwar dan il-każ fil-jiem li ġejjin. Iżda data definittiva għadha trid tingħata. Il-każ dam jinstema fil-Qorti sa tard it-Tnejn filgħaxija.
Geoffrey Valenzia minn naħa tiegħu kien informa liċ-chairman tal-Unit tal-Privatizzazjoni li hu ma kienx se jieħu vot fl-għażla finali.
Waqt is-smigħ, Emanuel Camilleri ġie kontinwament pressat biex jgħid fuq liema bażi saret l-għażla. Żvela wkoll illi l-analizi li saret qabel ix-shortlisting ma ġietx meqjusa għad-deċiżjoni finali.
Issa, qed jgħid Camilleri, il-Gvern lest joħroġ żewġ konċessjonijiet għal casinos f’pajiżna.
F’dan l-isfond il-Gvern Laburista għadu qed jirrifjuta li jippubblika r-rapport tekniku tal-Kumitat immexxi minn Valenzia. Għal din il-konċessjoni, id-Dragonara Gaming għamlet offerta ta’ €4.37 miljun waqt li l-Grupp Eden Leisure ressaq offerta ta’ €1.25 miljun. Anke fil-Qorti, Camilleri ikkonferma li l-offerta ta’ Dragonara Gaming kienet akbar.
//= $special ?>