Lokali Parlament

Ebda ħjiel dwar x’ġara mill- Politika Nazzjonali għat-Tfal

Il-Gvern ma tax informazzjoni dwar x’ġara s’issa minn meta tfasslet l-ewwel Politika Nazzjonali għat-Tfal fil-leġiżlatura li għaddiet sal-lum.

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, fil-Parlament kien mitlub mid-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, jagħti timeline sħiħ kif ukoll indikazzjoni ċara tal-passi li jmiss fit-tfassil tal-Politika Nazzjonali ġdida tat-Tfal u deadline sa meta se tiġi ppubblikata din il-politika.

Il-Ministru Farrugia wieġeb biss li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Bl-istess mod ukoll il-Ministru Farrugia wieġeb għal mistoqsija jekk jikkonfermax li l-Politika Nazzjonali ġdida għat-Tfal mhi se tibdel xejn fis-sustanza minn dik li tlestiet fil-leġiżlatura l-oħra. Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli staqsa wkoll li jekk dan mhux il-każ, jistax il-Ministru Farrugia jgħid x’inhuma dawn il-bidliet.

Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Farrugia ma ta ebda spjegazzjoni jew informazzjoni, iżda biss li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.