Illum tinstema’ l-kawża fil-Qorti fuq il-proċess ivvizzjat tal-għoti tal-konċessjoni għal casino ieħor f’Malta lill-Grupp Eden Leisure.
Il-Kumitat Tekniku li kien involut fil-proċess tal-għażla għall-għoti ta’ konċessjoni ta’ casino ieħor f’Malta, fil-konklużjoni tiegħu għamilha ċara li fuq il-bażi tal-evalwazzjoni li għamel u fid-dawl tal-maġġoranza ċara tal-membri tal-istess Kumitat Tekniku favur l-offerta magħmula minn Dragonara Gaming Limited, qed jirrakkomanda li d-Dragonara għandha tkun dikjarata bħala r-rebbieħa għal din il-konċessjoni.
Il-ġurnal IN-NAZZJON illum żvela kif il-Kumitat Tekniku, immexxi mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valencia, għamel din ir-rakkomandazzjoni tiegħu fil-konklużjoni tar-Rapport Tekniku li eventwalment kien ippreżentat lill-Unit tal-Privatizzazzjoni. Dan sar lejn l-aħħar ta’ Marzu li għadda wara proċess ta’ konsultazzjoni li kien beda f’Jannar 2014 u li kien iddiskuta u evalwa s-sottomissjonijiet taż-żewġ kumpaniji li ġew short listed għall-konċessjoni ta’ casino ieħor f’Malta.
Dawn iż-żewġ sottomissjonijiet kienu saru minn Dragonara Gaming Limited u minn Eden Leisure Group. Oriġinarjament magħhom kien hemm tliet kumpaniji oħra interessati li jiżviluppaw casino f’Malta. Dawn kienu Polidano, Corinthia Group u SeaBank Hotel li iżda s-sottomissjoni tagħhom ma kinitx short listed.
Mill-investigazzjonijiet li għamel il-ġurnal ‘In-Nazzjon’ fl-aħħar jiem, irriżulta li skont ir-rapport finali ta’ dan il-Kumitat Tekniku, minn tlettax-il kriterju skont is-sejħa għall-offerti, il-membri ta’ dan il-Kumitat qablu kollha b’mod unanimu li fuq kriterji Numri 1, 3, 4, 5, 7, 11 u 13 iż-żewġ short listed bidders jikkwalifikaw b’mod ugwali.
Fuq kriterju Numru 2, li kienet l-up front concession payment fejn id-Dragonara kienet offriet €4,376,505 kontra l-€1,250,000 tal-Eden Leisure Group, il-membri tal-Kumitat Tekniku qablu unanimament li d-Dragonara kellha l-aħjar offerta. Fil-fatt l-offerta tad-Dragonara kienet tliet darbiet aktar minn dik tal-Eden Leisure.
Jirriżulta wkoll li fuq kriterji Numri 6, 8, 9, 10 u 12 il-maġġoranza tal-membri tal-Kumitat Tekniku, għajr wieħed, qablu li Dragonara Gaming Limited kienu superjuri minn Eden Leisure Group.
Jirriżulta li l-persuna li ma sseħbitx mal-maġġoranza tal-Kumitat Tekniku dwar dawn il-ħames kriterji hu Joshua Zammit, li kien maħtur direttament f’dan il-Kumitat Tekniku mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.
Joshua Zammit, li kien president tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), illum jiekol b’diversi ħluq, fosthom hu l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks – ħatra li ngħatatlu f’Ġunju tal-2013, fl-istess ħin li huwa wkoll Deputat Chairman tal-istess Malta Industrial Parks.
Fil-passat Zammit kien jokkupa wkoll kariga għolja ħafna fl-Air Malta.
Dwar dawn il-ħames kriterji – Numri 6, 8, 9, 10 u 12 – Zammit qal li ż-żewġ proposti huma fl-istess livell. Interessanti ħafna l-fatt li dan Joshua Zammit kien l-uniku membru ta’ dan il-Kumitat Tekniku li għażel li ma jiffirmax ir-rapport finali tal-Kumitat.
Dan wassal biex hemm min qed jistaqsi għaliex Joshua Zammit għażel li ma jiffirmax dan ir-rapport. X’kienu r-raġunijiet li wassluh għal dan? Forsi kellu struzzjonijiet diretti minn Kastilja biex jagħmel hekk?
//= $special ?>