Għawdex Lokali

Fi tmiem il-ġimgħa: servizz imqanżaħ mill-Gozo Channel

Jekk f’dawn il-jiem qed taħseb li taqsam bejn Malta u Għawdex jew taħseb minn qabel inkella erġa’ aħsibha sew.

Wara li fil-jiem li għaddew il-vapur MV Gaudos ħabat ma’ parti mill-moll tal-Imġarr Għawdex waqt li kien dieħel b’tagħbija kummerċjali, fil-jiem ta’ wara, inkluż fi tmiem il-ġimgħa, is-servizz ipprovdut mill-Gozo Channel permezz ta’ żewġ vapuri biss kien wieħed mill-aktar imqanżah.

Dawk li fi tmiem il-ġimgħa marru Għawdex jew kellhom jaqsmu minn Għawdex, sabu kjuwijiet ta’ karozzi u passiġġieri biex jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer. Dan kien dovut għall-fatt li s-servizz tħaddem minn żewġ vapuri biss – l-MV Ta’ Pinu u l-MV Malita.

Mhux magħruf meta s-sitwazzjoni fil-Gozo Channel mistennija tirritorna għan-normal bis-sehem tat-tliet vapuri… aktar u aktar meta fi tmiem il-ġimgħa li jmiss hu mistenni traffiku ġmielu ta’ passiġġieri u karozzi bejn iż-żewġ gżejjer minħabba li bejn il-21 u t-23 ta’ Novembru l-kumpanija se tkun qed toffri tariffi ridotti kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-karozzi.

Is-sitwazzjoni mwiegħra attwali fil-Gozo Channel immaturat nhar il-Ħamis li għadda meta żewġ inċidenti ikkaratterizzaw l-andament tax-xogħol mill-MV Gaudos.

L-ewwel inċident seħħ filgħodu meta waqt sessjoni ta’ taħriġ ta’ sigurtà abbord dan il-vapur, waħda mid-dgħajjes ta’ salvataġġ magħrufa bħala RFB ġarrbet ħsarat u ma setgħetx tibqa’ tintuża. Dan l-inċident seħħ waqt taħriġ fil-Port ta’ San Maison.

Lura dakinhar stess lejn Għawdex, il-vapur MV Gaudos tgħabba b’tagħbija kummerċjali – trakkijiet b’diversi materjal abbord. Proprju meta dan daħal fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex, jidher li żviluppawlu xi ħsarat tekniċi bir-riżultat li l-vapur baqa’ dieħel fuq il-moll u nkalja miegħu. Il-pilota tal-vapur għamel minn kollox biex jaqla’ l-vapur minn mal-moll u sorsi preżenti fissru li din l-operazzjoni ta’ qlugħ tal-vapur minn mal-moll ħadet madwar għaxar minuti. Fost it-trakkijiet abbord l-MV Gaudos dak il-ħin kien hemm ukoll erba’ trakkijiet li jġorru d-diesel.

Wara dak l-inċident il-kumpanija Gozo Channel, fi stqarrija, avżat lill-pubbliku li dakinhar waranofsinhar il-vapur MV Gaudos irreġistra ħsara teknika ftit qabel ma rabat mal-moll tal-Imġarr. Mill-ewwel analiżi jirriżulta li ntlaqtet biss parti mill-qiegħ tal-vapur mal-moll.
Fl-istqarrija l-kumpanija qalet li dan ma kienx vjaġġ bil-passiġġieri imma b’tagħbija kummerċjali. Ħadd ma weġġa f’dan l-inċident. Tim ta’ esperti tekniċi u marittimi bħalissa qed jagħmlu evalwazzjoni biex ikunu stabbiliti l-fatti tal-każ.

L-istqarrija maħruġa nhar il-Ħamis stess temmet li l-management tal-Gozo Channel ħabbar li l-operat u l-vjaġġi se jibqgħu għaddejjin kif skedat mingħajr inkonvenjent.
Sadattant kuntrarjament għal dak li ntqal mill-management tal-Gozo Channel f’din l-istqarrija, fi tmiem il-ġimgħa l-inkonvenjent għall-passiġġieri kien wieħed kbir ħafna u xhieda ta’ dawn huma l-kjuwijiet tal-persuni jistennew biex jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer.

Mhux magħruf meta s-sitwazzjoni se tirritorna għan-normal, aktar u aktar meta l-vapur jirriżulta li għandu daqqa u ħsarat f’parti mill-qiegħ tiegħu. Għalkemm il-ħsarat kienu evalwati mis-Survejer, jidher li s’issa ma nħarġet l-ebda ċertifikazzjoni biex dan il-vapur ikun jista’ jiddaħħal mill-ġdid fl-iskeda tal-vjaġġi ta’ Gozo Channel.

Sorsi qrib il-Gozo Channel staqsew jekk dwar din il-ħabta saritx jew hix qed issir xi inkjesta. Staqsew ukoll meta se jissewwel il-ħsarat fil-qiegħ tal-vapur, kif ukoll meta se tissewwa l-RFB li mingħajra l-vapur ma jkunx jista’ jbaħħar.

L-istess sorsi żiedu li kemm-il darba l-Gozo Channel m’hix se tkun kapaċi tirrimedja s-sitwazzjoni fil-ħin, allura fi tmiem din il-ġimgħa l-inkonvenjent għall-passiġġieri mistenni jkun ferm u ferm akbar milli kien fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.