Id-diskors tal-Baġit moqri mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, kien fost l-itwal diskorsi f’dawn l-aħħar snin u li qabeż il-ħin tal-10.15pm minn ftit wara s-6.30pm.
Diskors tal-baġit li nġabar f’158 paġna li l-Ministru Scicluna ħa aktar minn tliet sigħat u tliet kwarti jaqra fil-Parlament – diskors twil ħafna meta paragunat mal-mod kif kien qed jiġi ppreżentat il-baġit fl-aħħar snin, b’mod partikulari mill-amministrazzjoni Nazzjonalista.
Baġit ukoll li għalih il-media kienu msejħa tard waranofsinhar fil-Ministeru tal-Finanzi biex jingħataw il-punti ewlenin tal-Baġit, fi preżentazzjoni mill-Ministru Edward Scicluna nieqsa minn power point presentation. Dan, minkejja li kien hemm kollox ippreparata li iżda, għal xi raġuni jew oħra, il-power point ma ntużatx għall-benefiċċju tal-ġurnalisti.
Minħabba l-mod mgħaġġel li biha saret il-preżentazzjoni tal-Baġit lill-ġurnalisti, il-Ministru tal-Finanzi lanqas ħin biżżejjed ma kellu biex jispjega u jelenka l-punti ewlenin, u saħansitra, fil-5.15pm kellu jieqaf u jinforma lill-ġurnalisti biex ikomplu jsegwu l-miżuri tal-baġit mid-diskors li kien se jaqra aktar tard fil-Parlament.
Minkejja li l-ġurnalisti ngħataw id-diskors tal-baġit fuq pen drive fi tmiem il-briefing fil-Ministeru tal-Finanzi, xorta l-aċċess għad-diskors kien magħluq sakemm il-Ministru tal-Finanzi kien fil-Parlament jippreżenta l-baġit għall-2015 lill-President ta’ Malta, u aktar tard beda jaqrah fil-Parlament.
Media Link Communications lanqas ma kienet imsejħa f’Kastilja, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, matul il-ġurnata tal-bieraħ kif kienu kumpaniji ta’ media oħrajn, b’rabta mal-baġit li ppreżenta l-Gvern filgħaxija fil-Parlament.
Fl-ewwel kummenti li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna għadda fil-briefing mal-ġurnalisti dwar dan il-Baġit, fisser kif dan hu baġit differenti minn oħrajn, u qabbel il-baġit ma’ xi ħadd li qabeż il-baħar u qed ikompli jgħum.
//= $special ?>