Lokali

Hawn min lest iħallas biex jinstab Ryan Schembri

Ir-rapport pubblikat fil-ġurnal ‘In-Nazzjon’ aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra li xi ħadd qrib Ryan Schembri jaf tajjeb fejn jinsabu Ryan, il-mara tiegħu u anke binhom, wassal biex f’dawn il-jiem investituri jikkuntattjawna u jgħidulna li huma lesti jħallsu somma tajba ta’ flus biex ikunu jafu fejn hu dan il-frodist li hu mfittex għal frodi li taqbeż l-€40 miljun.

‘In-Nazzjon’ illum tista’ tiżvela li Ryan Schembri għamel it-telefonata ftit jiem biss wara li fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru ħalla Malta abbord vjaġġ bil-katamaran. Fil-jiem ta’ wara hu ċempel lil xi ħadd qrib ħafna tiegħu u serraħlu rasu li hu, martu u ibnu jinsabu f’post sigur u m’huma fl-ebda periklu.

Nifhmu li din il-mossa minn Ryan Schembri – fis-sens li żvela fejn jinsab – saret biex iserraħ moħħ il-ġenituri tiegħu li m’huma fl-ebda periklu.

Nifhmu li eventwalment kienu kkuntattjati wkoll il-ġenituri tal-mara ta’ Ryan Schembri li wkoll ingħataw din l-informazzjoni.

Madanakollu nifhmu li min ċempel lill-familja tal-mara ta’ Ryan Schembri, għalkemm jaf fejn jinsabu, ipprefera li għall-aħjar ta’ kulħadd ma jiżvelax il-post fejn jinsabu.