Il-Ministru Helena Dalli għandha terfa’ r-responsabbiltà politika mhux biss għall-fatt li qed tagħmel xogħol illegali fuq farmhouse tagħha, li tinsab f’żona ODZ u li għandha avviż ta’ infurzar kontriha, iżda talli gidbet lill-poplu Malti u Għawdxi. Dalli gidbet meta qalet li ma tafx bix-xogħol li qed isir fil-farmhouse tagħha, minkejja li l-gaffa li qed tagħmel ix-xogħol illegali hi tal-kumpanija tagħha PADA Builders.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Ryan Callus u Charlò Bonnici spjegaw li mhux talli Helena Dalli kienet taf bix-xogħol li qed isir fuq il-farmhouse tagħha, iżda hu l-makkinarju tal-kumpanija tagħha stess li qed jagħmel ix-xogħol. Għal darb’oħra, huma sejħu biex il-Ministru Helena Dalli terfa’ r-responsabbiltà politika għax f’dan il-każ, il-Ministru tal-Opportunitajiet Indaqs qed tgawdi minn drittijiet aktar minn ħaddieħor.
Ryan Callus għamel referenza għall-fatt li Dalli ħbiet din il-farmhouse, li hi mibnija f’żona ‘l barra mill-iżvilupp, mid-dikjarazzjoni tal-assi li għamlet fil-Parlament. Dan l-ingann ukoll hu każ serju li Dalli trid tispjega u terfa’ r-responsabbiltà. Madankollu, mid-dikjarazzjoni tal-assi tirriżulta xi ħaġa ċara li Helena Dalli ma tistax taħbi.
Min-naħa tiegħu, Charlò Bonnici akkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat li qed jibqa’ sieket quddiem dan il-każ skandaluż minn wieħed mill-Ministri l-aktar viċini tiegħu. Fakkar li l-farmhouse tinsab biss ftit metri bogħod mid-dar fejn tgħix Helena Dalli u għalhekk hi aktar ovvja li l-Ministru kienet taf sa mill-bidu nett dwar ix-xogħol li qed isir fuq il-farmhouse tagħha mill-kumpanija tagħha stess.
Dan hu każ gravi u kemm Muscat kif ukoll Dalli għandhom ħafna xi jwieġbu, temmew jgħidu l-Kelliema tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>