Lokali

Illum il-Baġit 2015, rappurtaġġ estensiv fuq MaltaRightNow.com

Illum, fis-6.30pm, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna se jkun qed iressaq il-Baġit 2015 fil-Parlament. Dan se jkun it-tielet Baġit imressaq minn Edward Scicluna, iżda t-tieni wieħed tal-Gvern Laburista, minħabba li l-ewwel wieħed li ressaq fil-Parlament wara l-aħħar elezzjoni kien dak imħejji u mfassal mill-Gvern Nazzjonalista.

Wara li jitressaq il-Baġit illum, ikun imiss it-tweġiba tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-Baġit, li se ssir bħal-lum ġimgħa, bil-Prim Ministru jwiegeb l-għada. Għal din l-okkażjoni, il-mezzi tax-xandir ta’ Media.Link Communications, bħas-snin l-imgħoddija, se jkunu qed joffru servizz estensiv.

MaltaRightNow.com se jkun qed jipprovdi servizz speċjali b’aġġornamenti diretti mill-Parlament waqt li jkun qed jinqara l-Baġit. Barra minhekk, il-portal se joffri wkoll l-opportunità lill-qarrejja biex jgħidu tagħhom, fosthom b’kummenti u anke opinion poll.

NET Television se jtella’ edizzjoni speċjali tal-programm NewsFeed, b’xandiriet diretti mill-Parlament u diskussjoni fl-istudio. Il-programm se jieħu l-format ta’ analiżi biex it-telespettaturi jkunu jistgħu jifhmu aħjar dak li jkun qed jaqra l-Ministru tal-Finanzi. Fost il-mistiedna fl-istudio se jkun hemm rappreżentanti tal-unions, kif ukoll Kelliema tal-Oppożizzjoni. Rappreżentanti oħrajn se jkunu qed iwasslu l-kummenti tagħhom f’kollegamenti diretti.

Radio 101 se jkun qed itella’ programm speċjali ta’ NewsDesk, fid-9.30pm, ippreżentat minn Jerome Caruana Cilia. Matul dan il-programm, se jkun hemm diskussjoni ta’ analiżi dwar il-Baġit li jkun għadu kif ġie ppreżentat.

Ir-rappurtaġġ ikompli għada, bil-ħarġa ta’ In-Nazzjon li tinkludi r-rappurtaġġ estensiv tal-miżuri mħabbra fil-Baġit, kif ukoll l-ewwel reazzjoni tal-Oppożizzjoni. In-Nazzjon se tirrapporta fid-dettal ukoll il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru u l-ewwel reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti.