Baġit 2015 Ekonomija Lokali

It-tariffi għandhom jirriflettu l-prezzijiet internazzjonali – l-MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li l-għajnuna ta’ €40 miljun li l-Gvern se jagħti għall-Air Malta u t-€30 miljun għat-trasport pubbliku, kif ukoll is-€70 miljun f’sussidju għall-enerġija jqanqlu mistoqsijiet dwar il-mira li l-Gvern irid jilħaq żbilanċ ta’ 1.6%.

Filwaqt li tilqa’ b’mod pożittiv il-fatt li se jkun hemm tnaqqis fir-rati tad-dawl u l-ilma għan-negozji, l-MEA sostniet li dawn għandhom jirriflettu l-prezzijiet internazzjonali. Jekk ma jsirx dan, in-negozji f’pajjiżna jkunu qed jitilfu l-kompetittività f’konfront ma’ negozji f’pajjiżi oħrajn.

Kunsiderazzjoni oħra hi rigward is-sostenibbiltà fiskali minħabba l-fatt li dan it-tnaqqis mhux qed isir minħabba prezz orħos fil-produzzjoni tal-elettriku, iżda qed issir permezz ta’ sussidji.

L-MEA qalet li ż-żieda fil-kirjiet tad-djar flimkien ma’ żidiet fil-ħlas ta’ ċerti servizzi jista’ jkollu effett negattiv fuq dawk bi dħul baxx. Qalet li ma tistax tifhem ir-raġuni wara ż-żieda fit-taxxi fuq l-inbid, prodott li l-industrija lokali investiet ħafna.

L-MEA qalet ukoll li l-Baġit għandu diversi miri li jindirizzaw numru ta’ setturi, iżda d-domanda fundamentali se tkun jekk hux se jkun hemm tkabbir ekonomiku biżżejjed biex jiġġeneraw id-dħul meħtieġ li jissostanzja dawn il-miri.