Baġit 2015 Ekonomija Lokali

Jagħti 67ċ fil-ġimgħa biex ipatti għaż-żieda ta’ 58ċ għal għoli tal-ħajja

35 ewro fis-sena, biss.

Din hija s-somma li l-Gvern se jkun qed jagħti biex jagħmel tajjeb għat-58 ċentezmu fiż-żieda tal-għoli tal-ħajja, imħabbra fl-aħħar ġimgħat.

35 ewro fis-sena, li jfissru li f’ġimgħa l-Gvern se jkun qed jagħti 67 ċentezmu biex tiżdied mal-58, għal total ta’ ewro u 25 ċentezmu għal gholi tal-ħajja.

Fil-baġit, il-Gvern ħabbar ukoll li se jkun qed iżid id-dazju tas-sisa fuq it-tajers, l-iskrataċ, iż-żjut, l-għalf għal fish farms, is-sigaretti, it-tabakk tal-pipa, is-servizzi tat-telefonija ċellulari, is-siment u l-pixxini.

Se tiżdied ukoll il-liċenzja tal-karozzi, bejn €10 u €15 għal kull ċilindrata, it-taxxa fuq il-permess għal krejnijiet, il-bolla fuq il-poloz tal-assigurazzjoni, filwaqt li għall-ewwel darba se tiddaħħal ukoll is-sisa fuq l-inbid, b’20 ċentemzu għal kull litru.

Tħabbret ukoll żieda fil-miżati tal-Gvern. U biex jikkuntrasta dan kollu, il-Gvern ħabbar ukoll li se jkun qed inaqqas it-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-quadbikes u l-ATV’s b’50% u jneħħi għal kollox it-taxxa fuq muturi vintage b’ċilindri żgħar.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa tad-dħul, il-MInistru Scicluna qal li għal dawk li jaqilgħu nqas minn 60,000 ewro fis-sena, din se titnaqqas minn 29% ghal 25%, u b’hekk tenna l-pjan tal-Gvern Nazzjonalista.

Iżda f’dak li għandu x’jaqsam mal-fuel, minkejja li bħalissa l-prezzijiet Maltin huma l-għola fl-Ewropa, il-Gvern se jkun qed iraħħas il-prezz tal-petrol b’2 ċentezmu għal kull litru biss, u b’ċentezmu għal litru diesel. Dawn mhux se jidħlu fis-seħħ issa, imma minn Jannar li ġej.

Il-prezz tal-gass se jibqa’ l-istess: 18-il ewro sa April li ġej.

Filwaqt li ħabbar tnaqqis fit-taxxa tat-trasferiment tal-proprjeta’, b’rata fissa ta’ 8%, din ir-rata mhux se tgħodd għal proprjeta’ li nxtrat qabel l-2004, u li għaliha t-taxxa se tkun b’rata ta’ 10%. Dan minbarra eċċezzjonijiet oħrajn.

Il-Gvern se jkun qed jestendi wkoll l-eżenzjoni mill-boll fuq l-ewwel €150,000 ewro ta’ xiri ta’ proprjeta’ residenzjali għall-ewwel darba. Iżda din se tgħodd biss sa Ġunju li ġej u mhux għas-sena kollha.

Filwaqt li qal li se jkun qed isaħħaħ l-isforzi tiegħu kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-Ministru Scicluna ma spjegax għaliex dawn l-isforzi ma bdewx diġa’, ladarba kienet proposta kampanja informattiva dwar l-evażjoni tat-taxxa iżda li qatt ma tfaċċat fir-realta’.

U, hekk kif iddeskriva t-taxxa tal-eko-kontribuzzjoni bħala waħda li fixklet lil dawk li jaħdmu bil-galbu, il-Ministru Scicluna qal li l-Gvern se jkun qed ineħħi din it-taxxa fuq l-apparat elettroniku, b’effett mill-1 ta’ Settembru 2015.

U għal darb’oħra, il-Gvern se jkun qed jagħti l-COLA kollha lil pensjonanti, biex b’hekk kompla ma’ dak li kien propost mill-Gvern Nazzjonalista, fl-aħħar leġiżlatura.