Editorjal

Jekk l-ekonomija sejra tajjeb, nistennew li dan jinżel fi bwiet in-nies

Illejla l-Ministru tal-Finanzi jressaq baġit li hu responsabbiltà tiegħu mill-bidu sal-aħħar. L-ewwel baġit tiegħu kien dak imressaq mill-Gvern Nazzjonalista għall-2013. Fit-tieni baġit tas-sena l-oħra Edward Scicluna seta’ jgħid li ċerti miżuri jkunu jirriflettu dak li ġara fit-tnax-il xahar ta’ qabel. Imma dan tal-lejla se jkun baġit ta’ Gvern li diġà ilu kważi sentejn u li l-aħħar sena hi kollha tiegħu.

Nistennew żidiet fil-pagi u fil-pensjonijiet riżultat ta’ kif sejra l-ekonomija
Fil-baġit tal-lejla nistennew li l-Gvern jagħtina l-frott ta’ ekonomija li, skont hu, sejra tajjeb; jiġifieri żidiet fil-pagi u fil-pensjonijiet u tnaqqis ta’ taxxi ħalli jekk l-ekonomija sejra tajjeb dan jinżel fi bwiet in-nies. Għandna Ministru tal-Finanzi li jgħid li qed imexxi l-ekonomija sewwa. Jekk Edward Scicluna jemmen lilu nnifsu, illejla m’għandniex ħlief nistennew iż-żidiet fi bwiet in-nies.

L-ekonomija tagħna marret tajjeb fil-maltemp…
U m’għandniex għax nistennew mod ieħor. Mill-2008 sal-2013, l-ekonomija tagħna kienet marret tajjeb minkejja li d-dinja kienet mikduda bl-agħar riċessjoni f’mitt sena u bi prezz taż-żejt li kien laħaq anke d-doppju ta’ issa. F’dak il-maltemp dinji, l-ekonomija tagħna ħolqot ix-xogħol, il-pagi medji żdiedu b’aktar minn 500 ewro fis-sena, u l-pensjonanti gawdew iż-żieda legali sħiħa fil-pagi.

…aħseb u ara kemm messha tmur tajjeb fil-bnazzi
Issa l-maltemp għadda. L-ekonomiji anke ta’ pajjiżi bħall-Greċja, Spanja u l-Portugall qed jerġgħu jikbru. Il-prezz taż-żejt niżel għal livelli li ilna ma naraw bħalhom is-snin. Jekk l-ekonomija tagħna tat frott tajjeb ta’ żidiet għal kulħadd fil-pagi u fil-pensjonijiet f’dak il-maltemp kollu, aħseb u ara kemm messha tagħti frott tajjeb issa.

In-nies jistennew żidiet fil-pagi, fil-pensjonijiet…
U l-frott hu dak li n-nies iddaħħal u jibqgħalha fil-but. Illejla nisimgħu sigħat sħaħ ta’ diskorsi. Imma r-riżultat nett, il-bottom line kif jgħidulu l-Amerikani, hu l-Gvern x’se jħalli fi bwiet in-nies f’pagi, f’pensjonijiet u f’anqas taxxi. Il-bqija l-Gvern ikun qed jiftaħar b’rix ħaddieħor; bl-industriji li ġab lejn Malta l-Gvern ta’ qablu u bil-bżulija tal-intraprendituri privati u tal-ħaddiema.

…fis-servizzi soċjali, u roħs sostanzjali fil-petrol u d-diesel
Illejla nistennew li l-Prim Ministru Muscat iwettaq dak li qal fl-oppożizzjoni. Meta l-petrol u d-diesel kienu ferm orħos mil-lum u meta ż-żieda fil-pagi u fil-pensjonijiet kienet €1.16, kien ipprotesta bil-kbir. Kien għamel kampanja kbira kontra l-faqar u wiegħed il-living wage. Mela llejla nistennew roħs qawwi fil-petrol u d- diesel għal anqas milli kienu meta ħareġ jipprotesta, żieda fis-servizzi soċjali għall-foqra, iż-żieda legali fil-pagi u fil-pensjonijiet ta’ aktar minn €1.16, u l-famuża living wage .

Għal Mrs Konrad Mizzi u sħabha, l-ekonomija sejra tajjeb ħafna
Dak hu x’nistennew: li jekk l-ekonomija sejra tajjeb, dan jinħass fi bwiet in-nies. U li n-nies igawdu dak li qed igawdu d-Deputati Laburisti Carmelo Abela tat-58,000 fis-sena u Silvio Schembri ta’ ħafna ħluq, u Mrs Konrad Mizzi tat-13,000 fix-xahar. Għal dawk, l-ekonomija diġà sejra brillanti. Issa l-bqija jistennew tagħhom ukoll.