Baġit 2015 Ekonomija Lokali

Jipproponi l-‘car pooling’ bħala soluzzjoni għall-problema tat-traffiku

Il-Gvern jispeċifika li s-sena li ġejja l-gvern se jħallas 23 miljun ewro lill-operatur tat-trasport pubbliku u se jkun qed jintroduċi inizjattivi ta’ car sharing u car pooling.

Dan filwaqt li se jingħataw inċentivi għall-użu tat-trasport tal-iskejjel u qed titħejja policy dwar il-parking fejn se jinbena parkeġġ taħt l-art għal 370 karozza f’Bormla.

Fil-baġit kien enfazizzat li din is-sena se jkomplu jingħataw lura l-flus fir-rifużjoni ta’ VAT imħallsa fuq it-taxxa ta-reġistrazzjoni u se jkun hemm inċentivi fuq xiri ta’ vetturi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent fosthom dawk li jiskreppjaw il-karrozzi jew jaqilbu għall-gass. Se jkun hemm ukoll inizjattivi għal min juża r-roti u dawk mekkanizzati bil-mutur.

Fl-infrastruttura se ssir rijabilitazzjoni ta’ diversi widien, se tiżdied l-effiċjenza fl-impjanti Sant’Antnin u tal-Għallies, se ssir kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti faċilitajiet fil-parks u se jitkabbar il-park ta’ Kennedy Grove.

Il-gvern se joħroġ talba għall-proposti dwar ġbir ta’ skart tal-plastik u kienu ivvotati 11-il miljun ewro għall-flyover tal-Kappara u toroq residenzjali.

Se jsir ukoll pont f’Ħal Qormi, se jissebbħu Pjazza Kastilja u Pjazza Tritoni u wasal biex jitlesta l-proġett nazzjonali tal-għargħar. Il-Gvern qed jippjana li juża l-foss tal-Belt bħala parkeġġ u ġnien u qed jippjana li Belt is-Sebħ jinbnew l-uffiċini għar-revenue department tal-gvern.

Il-baġitt jinkludi proġetti ta’ rijabilitazzjoni ta’ funtani u torrijiet storiċi, pavimentar, monumenti u passaġġi fil-Belt, l-Imdina, il-Floriana u l-Kottonera.

Il-gvern beda jidentifika wkoll kull sottomissjoni dwar ir-riklamazzjoni tal-art, se jsir proġett mal-privat għal lukanda f’Bighi waqt li ċ-Ċentru tas-Saħħa f’Bormla se jitmexxa bi sħubija mal-privat. Il-gvern se jinvesti wkoll f’ċentri tas-saħħa fl-inħawi taż-Żurrieq u l-Qrendi.

Proposta oħra infrastrutturali hi li jsir kumpless komunitarju li jinkludi parkeġġ, faċilitajiet sportivi u kummerċjali fil-ground ta’ Pace Grasso f’Raħal Ġdid.