Tliet persuni – fosthom koppja miżżewwġa — kienu kundannati għal bejn 20 u 23 sena ħabs minħabba kannibaliżmu. Każ straordinarju ta’ kannibaliżmu fejn il-ġilda tal-vittmi intużat bħala igredjent għat-torti li kienu jinbiegħu lill-membri tal-pubbliku li ma suspettaw xejn.
Jorge Beltrao Negromonte da Silveira, martu Isabel Cristina Pires (ritratt) u s-sieħba tiegħu, Bruna Oliveira da Silva, kienu arrestati fil-belt ta’ Garanhuns fl-2012.
It-tliet akkużati ammettew li, bejn l-2008 u l-2012, kienu jattiraw in-nisa lejn id-dar fejn kienu jgħixu bil-wiegħda li kienu se jimpjegawhom bħala nanny.
Intant, il-pulizija li fittxu d-dar sabu l-fdalijiet ta’ żewġ nisa fil-bitħa ta’ wara. Fil-ħin tal-arrest, Da Silveira u n-nisa qalu li kienu lkoll membri ta’ setta li tippriedka ‘favur il-purifikazzjoni tad-dinja kif ukoll għal tnaqqis fil-popolazzjoni’. Il-pulizija sabu wkoll ktieb ta’ 50 paġna miktub minn Negromonte bl-isem ta’ ‘Rivelazzjonijiet ta’ Skizofreniku’. Fid-dokument hu stqarr li kien sema’ l-vuċijiet u kien iffissat li jriq joqtol lin-nisa.
L-awtoritajiet, maż-żmien, żvelaw aktar fatti terribbli mid-‘dar tal-waħx’ u li jfakkru f’xeni mill-film ‘Sweeney Todd'(2007) li għandu l-attur, Johnny Depp, fil-parti prinċipali.
Sar magħruf li l-akkużati kielu t-torti li kienu jsajjru bil-ġilda tal-vittmi, minbarra li biegħu uħud mill-‘pastries’ lill-ġirien, kif ukoll lill-iskejjel u l-isptarijiet. Il-kannibali, intant, kienu jinfurmaw lin-nies li kienu qed jieklu ‘t-torti tat-tonn u tat-tiġieġ’.
It-tliet imputati ammettew fil-qorti li qatlu u kielu l-vittma tagħhom bħala parti minn “ritwal ta’ purifikazzjoni”. Iżda huma ċaħdu allegazzjonijiet li kkunsmaw u biegħu biċċiet mill-ġisem tal-vittma f’torti.
//= $special ?>