Lokali

Aġġornata: Id-diskussjonijiet mal-kumpanija tal-linja Spanjola jitwaqqfu ħesrem b’mandat mill-Qorti

Aġġornata:

Il-Qorti għadha kemm laqgħet it-talba tal-operaturi Maltin u dan ifisser li l-Gvern ma jistax ikompli bid-diskussjoni mal-operatur barrani. Dan ifisser li l-Gvern għalissa ma jistax jikkonkludi l-ftehim mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon.

Iktar kmieni:

Tentattivi ddisprati mill-Gvern biex ifittex jikkonkludi l-ftehim dwar is-servizz tat-trasport pubbliku mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon wasslu biex il-konsorzju Malti li ma ntagħżilx mill-Gvern mistenni jieħu lill-Gvern quddiem il-Qorti b’akkużi ta’ tibdil fil-kundizzjonijiet.

Is-sit elettroniku ta’ The Malta Independent żvela li laqgħat urġenti li saru lbieraħ u anke dalgħodu bejn il-Gvern u l-kumpanija Spanjola spiċċaw ma ssarfu fl-ebda ftehim, bil-Gvern jinqabad f’paniku għax xtaq li l-ftehim jissemma’ fil-qari tal-Baġit illejla. Sadanittant, informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid li laqgħat oħrajn saru wkoll mingħajr suċċess il-Ġimgħa li għadda.

Madankollu, wara li dan il-ftehim baqa’ ma ntlaħaqx, il-konsorzju Island Buses Malta sar jaf li l-Gvern u Autobuses de Leon issa qed jiddiskutu kundizzjonijiet differenti minn dawk li kienu fis-sejħa ta’ interess. Ir-rapporti qed jgħidu li l-kumpanija Spanjola qed titlob aktar benefiċċji milli miftiehem mal-Gvern, minkejja li diġà sar magħruf li se tingħata sussidju ta’ €23 miljun, jiġifieri aktar mid-doppju tal-aktar ammont li qatt ingħatat il-kumpanija Arriva.

Dawn l-aħħar żviluppi jkomplu jitfgħu pressjoni fuq kemm il-Ministru Joe Mizzi għad għandu l-pożizzjoni tiegħu tenibbli bħala l-Ministru responsabbli mit-trasport. Fil-jiem li għaddew diġà kienu żvelati l-intenzjonijiet tal-Prim Ministru Muscat biex ineħħi lil Joe Mizzi minn din il-kariga. Madankollu, jidher li dan għadu qed jingħata ċ-ċans.

Il-fatt li d-diskors tal-Baġit se jinqara mingħajr l-ebda referenza għall-ftehim dwar is-servizz tat-trasport pubbliku, jista’ jfisser li Joe Mizzi tilef l-aħħar ċans biex isalva ġildu fil-Kabinett ta’ Muscat.