Libjan u Tuneżin, nżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu l-Qorti mixlijin li ppruvaw jisirqu diversi oġġetti minn skola tal-Ingliż f’San Ġiljan, nhar is-Sibt filgħaxija.
Il-Libyan Salem Ali Elaidy ta’ 23 sena, residenti Birzebbuġa u li qal li ma jaħdimx flimkien ma’ Abderraouf Barchech ta’ 32 sena, resaidenti Birkirkara, li jaħdem bħala “plumber u electrician,” ċaħdu li ppruvaw jisirqu settijiet tat-televiżjoni, kompjuters u oġġetti oħra mill-iskola EF.
Is-serqa kienet sfrattata u meta waslu fuq il-post il-Pulizija sabu sett tat-televiżjoni fuq il-bankina. Barchech waħdu kien mixli wkoll li rreżista l-arrest u darab ħafif membru tal-Korp tal-Pulizija fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Florian, kmieni s-Sibt, u li għamel ħsara fiċ-ċella fejn kien qed jinżamm taħt arrest fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija siegħa wara.
Il-Prosekuzzjoni allegat li Barchech saq b’karozza tal-kiri Peugeot ftit wara l-allegat serqa. Huwa kien mixli wkoll b’sewqan perikoluż. Minn naħa tiegħu Elaidy waħda ġie mixli li sar reċidiv.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale ċaħad it-talba għal liberta’ proviżorja taż-żewġ akkużati. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Carol Fabri mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Jason Grima u Noel Bianco deheru għall-akkużati.
//= $special ?>