Baġit 2015 Saħħa

Qal li l-mediċina out-of-stock niżlet minn 130 għal 5

Fil-qasam tas-saħħa, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li l-Gvern waqqaf il-kumpanija Medical Plus li se tidħol f’arrangamenti ta’ Public Private Partnership ma’ speċjalisti fl-Isptar Mater Dei.

Skont il-Ministru tal-Finanzi, minbarra li jiżdied in-numru ta’ operazzjonijiet fil-ġurnata tax-xogħol, se jsiru wkoll l-operazzjonijiet fi tmiem il-ġimgha bl-iskop li l-lista ta’ stennija titnaqqas.

Hu qal li l-Gvern se jwitti t-triq lil tobba tal-familja li jixtiequ jingħaqdu bħala sħab biex jistabbilixxu klinika jew servizz u se jibni ċentru tas-saħħa għal komunitajiet fl-inħawi taż-Żurrieq.

Hu ħabbar ukoll li l-Gvern qiegħed ifassal master plan għaż-żona tal-Isptar San Luqa u l-Gvern se joħroġ sejħa għal interess biex dan il-post ikun żviluppat f’oqsma relatati mas-saħħa. F’dan ukoll il-Gvern se jħaddem skema ta’ Public Private Partnership u dan ma jeskludix li l-Gvern idaħħal xi forma ta’ ħlas għas-servizzi tas-saħħa li s’issa kienu b’xejn.

Il-Ministru tal-Finanzi ħabbar ukoll li l-Isptar tal-Kura tal-Kanċer li kien inbeda fi żmien il-Gvern Nazzjonalista mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin u qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew jidħlu l-ewwel outpatients. Hu qal li dan l-Isptar se jissemma’ Ċentru għall-Onkoloġija Sir Anthony Mamo ad unur l-Ewwel President ta’ Malta.

Skont il-Ministru Edward Scicluna il-mediċina out of stock niżlet minn 130 għal 5. Hu qal li issa hemm 128,000 li huma intitolati għal iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.

Hu qal li beda x-xoghol biex jinbnew tliet sulari ġodda biswit l-Isptar Mater Dei biex jiżdied in-numru ta’ sodod.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li l-Gvern beħsiebu jintroduċi skema ta’ screening għall-kancer tal-għonq tal-utru matul is-sena d-dieħla.