Baġit 2015 Ekonomija Lokali

Reazzjoni kawta – il-GRTU

Fl-ewwel reazzjoni għad-diskors tal-Baġit, il-GRTU qalet li filwaqt li tqis pożittiv il-fatt li qed jiġu inklużi tlieta minn ħames proposti li għamlet, se tkun qed issegwi l-implimentazzjoni b’kawtela għax għalkemm is-sena li għaddiet il-Gvern impenja ruħu li matul l-2014 inaqqas l-Eco Tax, s’issa għadhom ma ntlaħqu l-ebda riżultati.

Il-GRTU qalet li tilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Gvern li jneħħi t-taxxa tal-eko-kontribuzzjoni anke jekk il-miżuri mħabbra jeskludu numru ta’ prodotti. Esprimiet ukoll sodisfazzjon għall-impenn li hu ppjanat li jkun hemm kontra l-kompetizzjoni inġusta. Din ukoll kienet wegħda li saret fil-Baġit tas-sena li għaddiet u hi kwistjoni li wasslet diversi negozji jfallu.

Fuq nota negattiva, qalet il-GRTU, tara li ma ntlaqgħetx it-talba tagħha biex ma jerġax ikun hemm żieda fil-liċenzji tal-vetturi kummerċjali. Il-GRTU se tkompli tinsisti li ż-żidiet ġew introdotti mingħajr konsultazzjoni u mingħajr ma sar studju dwar l-impatt ekonomiku. Ħarsa ġenerali lejn il-Baġit tagħti l-impressjoni li jista’ jkun hemm żidiet oħrajn matul is-sena. Il-GRTU tħoss li żidiet oħrajn jeffetwaw il-kompetittività tan-negozji b’mod negattiv.

Fl-istess waqt li kienet strumentali fil-proposti li ġew adottati, il-GRTU tqis li għandha tkun involuta wkoll fl-implimentazzjoni tal-amministrazzjoni tal-istess proposti.