Fid-diskors tal-Baġit dwar il-qasam tal-enerġija, l-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna kkonferma li n-negozji se jibbenefikaw mir-roħs ta’ 25% fil-kontijiet tal-elettriku u 5% fil-kontijiet tal-ilma.
Ir-roħs fil-kontijiet tal-enerħija għan-negozji li se jidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla, u r-roħs fil-kontijiet tal-enerġija għad-djar residenzjali jfissru 80 miljun ewro fis-sena li se jiġu ffinanzjati mill-pjan tal-gvern għall-enerġija. Jiġifieri mill-bini tal-Power Station il-ġdida li se taħdem bil-gass.
Din il-power station tfisser investiment ta’ 320 miljun ewro. Il-Ministru Scicluna qal li l-Gvern se jħabbar dettalji u t-timelines dwar il-proġett tal-gass fil-ġimgħat li ġejjin.
Dwar l-interconnector qal li għandu jibda jaħdem fil-bidu tas-sena d-dieħla. Għaddej wkoll studju dwar il-possibilta’ ta’ pipeline, studju li mistenni jkun lest fl-ewwel ftit xhur tas-sena d-dieħla. Għandu jsir anke studju dwar ir-rotta ta’ qiegħ il-baħar fuq in-naħa ta’ Malta kif wkoll tal-Italja biex isir dan il-pipeline biex jinxtara l-gass naturali minn pajjiżi ewropej.
Dwar il-qasam tal-enerġija l-Ministru tal-Finanzi qal li l-gvern se jfassal pjan biex l-intrapriżi jagħmlu energy audits.
F’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar qed tiġi mfassla solar farm policy biex tirregola installazzjonijiet imdaqqsa ta’ pannelli solari.
Dwar l-enerġija rinovabbli ħabbar diversi nċentivi li diġa’ kienu fis-seħħ u li se jkomplu jingħataw biex il-familji jinvestu f’din it-tip ta’ enerġija.
Dwar l-ilma, il-Ministru tal-Finanzi qal li qiegħed jiġi żviluppat pjan nazzjonali għall-immaniġjar tal-ilma b’konsultazzjoni ma’ dawk kollha nteressati fil-qasam.
//= $special ?>