Zebra crossing fil-Ħamrun se ssir wara sena u nofs minn meta saret it-talba mill-Kunsill Lokali lill-Awtorità tat-Trasport, u kważi sena u xahrejn wara minn meta t-talba kienet approvata.
Dan jirriżulta minn informazzjoni li ta fil-Parlament il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, għal mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici b’rabta ma’ talbiet għal zebra crossings u pelican crossing mill-Kunsilli Lokali tal-Ħamrun, Santa Venera u Tal-Pietà.
Jirriżulta li waqt laqgħa li saret mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, kien hemm talba għal zebra crossing fi Triq Ħal Qormi bid-data 18 ta’ Mejju 2013. L- Awtorità tat-Trasport ħejjiet id-disinji neċessarji u approvat din it-talba fit-23 ta’ Settembru 2013.
Fit-tweġiba li ta fl-aħħar jiem fil-Parlament, il-Ministru Mizzi qal li wara li ġew analizzati xi suġġerimenti oħra li daħħlu, din it-talba ser tkun implementata mill-Awtorità.
Għal aktar mistoqsijiet mid-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, il-Ministru Mizzi qal li jirriżulta wkoll li kien hemm żewġ talbiet għal zebra crossings li saru mill-Kunsill Lokali Tal-Pietà.
Saret talba għal zebra crossing fi Triq Marina fit-22 ta’ Mejju 2013 fejn l-Awtorità tat-Trasport talbet għal aktar informazzjoni jumejn wara. L-Awtorità ma rċevietx tali informazzjoni.
Talba oħra saret għal zebra crossing fi Triq San Luqa fit- 23 ta’ Mejju li għadda, fejn l-Awtorità tat-Trasport ħejjiet id-dokumenti meħtieġa u dawn intbagħtu lill-Kunsill fl-4 ta’ Awwissu 2014. L-Awtorità qed tistenna l-kummenti tal-Kunsill.
L-Awtorità tat-Trasport ma laqgħetx talba għal pelican crossing mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera għal Triq il-Kanun, bid-data tal-5 ta’ Marzu 2014, li ma kinitx milqugħa permezz ta’ ittra bid-data 12 t’Awwissu 2014, minħabba raġunijiet varji.
Kien hemm talba oħra mill-Kunsill Lokali bid-data 3 ta’ Novembru 2014 għal pelican crossing fi Triq il-Kbira San Ġuzepp. Jumejn wara l-Awtorità talbet għall- informazzjoni addizzjonali.
//= $special ?>