Internazzjonali

Student Ingliż u Franċiż x’aktarx fost il-qattiela ta’ suldati Sirjani

Student tal-mediċina Ingliż jista’ jkun fost l-estremisti tal-ISIS li ħatfu 17-il suldat bħala ostaġġi. Skont il-ġurnal Daily Mail, l-istudent jismu Nasser Muthana, ta’ 20 sena, u seta’ intgħaraf minn missieru f’filmat li deher dan l-aħħar dwar il-qtil tas-suldati.

Skond il-gvern Franċiż, hemm ukoll il-probabbilta’ li ċittadin Franċiż hu fost l-estremisti li kienu responsabbli mill-qtugħ tal-irjus tas-suldati.

Fil-filmat dwar il-qtil tal-massa, Nasser, li oriġinarjament hu minn Cardiff, jidher maġenb “Jihadi John”, il-ġellied estremista b’aċċent Ingliż li x’aktarx qata’ l-irjus ta’ ħames ostaġġi mill-Punent, fosthom tal-Amerikan, Peter Kassig.

“M’inix ċert, mija fil-mija, li hu ibni, iżda jixbħu,”sostna Ahmed, missier Nasser Muthana, filwaqt li żied “jekk hu ibni, għandu jibża’ minn Alla talli qatel lin-nies”. “Kieku, ma naħfirlux,”kompla l-missier u tenna “li kieku dak li qed jingħad hu minnu, allura ibni marad minn moħħu”.