Baġit 2015 Ekonomija Lokali

Tibdil fil-kultura dwar xogħol produttiv – il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża, fi stqarrija b’reazzjoni għall-Baġit 2015, qalet li tilqa’ tajjeb l-isforzi li qed isiru biex tkun razzjonalizzata s-sistema tal-ġbir tat-taxxa, filwaqt li fl-istess ħin ikunu introdotti inċentivi għal individwi u kumpaniji.

Il-Kamra qalet li miżuri li jinkoraġixxu lil individwi biex jitħarrġu u jaċċettaw impjiegi li jissarrfu f’pagi ġusti hu pass pożittiv għax dan jinkoraġixxi biex tinbidel il-kultura li wieħed ifittex xogħol produttiv minflok jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali.

Il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet ukoll il-pjan li ssir konsultazzjoni dwar il-ħinijiet tal-iskejjel. Dwar il-finanzi pubbliċi, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li trid tingħata attenzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-ristrutturar tal-enerġija, tas-saħħa u tat-trasport, inkluż tal-Air Malta.

Hu importanti wkoll l-implimentazzjoni ta’ sistema integrata tad-dħul tal-Gvern, li tista’ twassal biex ikun hemm aktar tnaqqis fit-taxxa.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li taqbel li ssir reviżjoni tal-bażi tal-formula antika tal-mekkaniżmu tal-COLA u lesta tkompli tiddiskuti mal-imsieħba soċjali. Il-Kamra qalet li taqbel mal-miżura dwar il-leave tal-maternità u l-introduzzjoni tat-tielet pilastru tal-pensjonijiet.

Qalet li taqbel ukoll ma’ inizjattivi tal-Public Private Partnership.