Baġit 2015 Ekonomija Lokali

Aktar reazzjonijiet għall-Baġit 2015

L-għada li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ressaq il-Baġit 2015, komplew joħorġu aktar stqarrijiet ta’ reazzjonijiet għall-miżuri mħabbra mill-Gvern.

MDA
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) laqgħet b’sodisfazzjon il-miżuri li ħabbar il-Gvern fid-diskors tal-Baġit, li bihom il-Gvern ikkonferma li qed jagħti importanza lis-suq tal-propjetà.

L-MDA qalet li l-Gvern laqa’ żewġ talbiet li għamlet l-Assoċjazzjoni u li kienu inklużi fil-Baġit. Dawn huma t-8% withholding tax fuq trasferiment ta’ propjetà, minflok is-sistemi differenti li hemm illum, u l-estensjoni ta’ konċessjoni lil min qed jixtri propjetà għall-ewwel darba biex ma jħallasx taxxa tal-boll.

Min-naħa l-oħra, l-MDA tinnota li l-kostruzzjoni se tkun affetwata b’żidiet fl-ispejjeż billi l-industrija ma ħelsithiex miż-żieda fit-taxxi indiretti, speċjalment b’żieda oħra fis-sisa fuq is-siment.

GUG
Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) qal li l-Baġit ħabbar diversi inizjattivi li suppost għandhom iwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja għall-Għawdxin.

Fi stqarrija, il-GUG qal li numru ta’ proġetti fit-tul li reġgħu tħabbru, fosthom l-air strip u t-tieni fiber-optic cable, għandhom iżidu l-aċċessibbiltà għal Għawdex f’kull mod. Il-Grupp innota wkoll iż-żieda pro-rata tal-għoli tal-ħajja fl-istipendju għall-istudenti u l-grant ta’ €100 għal min iħaddem studenti tal-ITS.

Min-naħa l-oħra, il-GUG innota li rakkomandazzjonijiet dwar pixxina f’Għawdex, aġġustament tal-maintenance grant tal-istudenti Għawdxin u s-servizz ta’ fast ferry bejn il-gżejjer kienu injorati.

GBC
Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex (GBC) tinnota li l-Baġit 2015 hu wieħed ta’ kontinwazzjoni fuq ta’ din is-sena, li ma jagħtix xokkijiet lill-ekonomija. Tiddeskrivieh ukoll bħala Baġit favur in-negozju b’miżuri li jinċentivaw ix-xogħol, irażżnu l-abbuż u li jkun hemm kompetizzjoni ġusta, fosthom bl-eliminazzjoni tal-eco-tax.

Il-GBC laqgħet ukoll b’sodisfazzjon l-iskemi tal-ETC immirati b’mod speċjali għall-ħolqien tal-impjiegi f’Għawdex. Tittama wkoll li proġetti fit-tul bħall-air strip u l-fiber-optic cable jitwettqu malajr.

Fuq nota negattiva, il-Kamra esprimiet id-diżappunt għaż-żieda fil-liċenzji ta’ swimming pools u ż-żieda tat-taxxa fuq is-siment.

GTA
L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) qalet li l-miżuri li tħabbru huma investiment fl-infrastruttura u r-riżorsi umani f’Għawdex.

Fi stqarrija, il-GTA qalet li se jkun hemm titjib fil-konnessjoni bejn Malta u Għawdex wara l-allokazzjoni ta’ €100,000 biex isiru l-istudji dwar l-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali għall-air strip rurali f’Għawdex, kif ukoll il-ħsieb li ssir baga għall-cruise liners ‘il barra mix-Xlendi.

Min-naħa l-oħra, il-GTA hi mħassba dwar il-15% żieda fuq il-liċenzja tal-iswimming pools u se titlob taħdidiet mal-Gvern dwar din iż-żieda.

FAA
Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet li l-miżuri ambjentali mħabbra fil-Baġit huma bl-addoċċ, ma jagħmlux sens ma’ xulxin u mingħajr ippjanar. L-FAA qalet li dawn il-miżuri juru sforz nofs qalb biex jgħattu n-nuqqas totali tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lill-ambjent.

Fir-reazzjoni għall-Baġit, l-FAA min-naħa l-oħra hi favur li jkun hemm ħinijiet differenti għall-ftuħ tal-iskejjel, inċentivi favur car-pooling, kif ukoll favur il-miżata kuljum għal krejnijiet fuq it-toroq.

Dwar il-wirt storiku, filwaqt li faħħret il-miżura favur ir-restawr tas-Suq tal-Belt, min-naħa l-oħra m’hemmx allokazzjoni fil-Baġit għall-parti ta’ isfel ta’ Sant’Iermu u bini ieħor ta’ importanza storika.

MUT
Il-Union tal-Għalliema (MUT) ħaditha qatta’ bla ħabel kontra l-proposta tal-Gvern li jbiddel il-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel. Fi stqarrija, l-MUT iddikjarat b’mod kategoriku li ma taqbilx li jiżdied jew jinbidel il-ħin tal-iskola formali biex wieħed isolvi l-problema tat-trasport u t-traffiku.

L-MUT temmen li l-problema tista’ tissolva jekk issir riforma serja fit-trasport pubbliku u studenti ta’ skejjel sekondarji jingħataw pass għal trasport b’xejn. Din issolvi bosta problemi, fosthom it-traffiku, bullying fuq it-trasport tal-iskejjel, fejn l-istudenti jkunu bla superviżjoni. L-MUT tenniet li ma saret ebda konsultazzjoni magħha qabel il-Baġit dwar din il-proposta.

L-MUT kompliet li ż-żieda ta’ 10% fl-ispiża tal-edukazzjoni se titnaqqar f’miżuri u tenniet li ma jidher ebda impenn biex jiżdied l-istaff klerikali u ta’ sapport fl-iskejjel, kif ukoll ma jidhirx li hemm vot kapitali biex jinbidlu laptops obsoleti tal-għalliema.

Filwaqt li laqgħet il-miżura biex ikun miġġieled l-assenteiżmu, l-MUT tistenna li jsiru miżuri li jittieħdu kontra dawk il-ġenituri li huma negliġenti fil-konfront ta’ wliedhom u li ma jridux jappoġġjaw l-iskola fil-ħidma tagħha. Dwar miżuri oħrajn mhux strettament marbuta mal-edukazzjoni, l-MUT kkummentat li ma kienx hemm wisq dettalji dwar it-third pillar pensions, filwaqt li tawgura li l-Gvern jimplimenta kemm jista’ jkun malajr il-miżuri ħalli titrażżan l-evażjoni rampanti tat-taxxa.

AD
L-Alternattiva Demokratika (AD) staqsiet x’qed jigri dwar il-Power Station il-ġdida ta’ Delimara u tenniet li hu inaċċettabbli li Malta se tkun qed tixtri l-enerġija bi prezz doppju tar-rata preżenti tas-suq. Fir-reazzjoni tagħha għad-diskors tal-Baġit, l-AD irrimarkat kif ma ssemma’ xejn dwar dan l-iżvilupp.

L-AD qalet ukoll li ż-żieda ta’ 58ċ għall-għoli tal-ħajja hi waħda ridikola u li ma tirriflettix iż-żieda vera tal-għoli tal-ħajja. Faħħret il-miżura ta’ tnaqqis mit-taxxa lil dawk li jinvestu f’pensjoni privata, it-tielet pilastru, iżda tenniet li din jistgħu igawdu minnha biss dawk li jistgħu jħallsu l-pensjonijiet privati. Il-Gvern messu kkonċentra fuq it-tieni pilastru, li jinqasmu bejn il-Gvern, il-ħaddiem u min iħaddem.

L-AD faħħret l-inċentivi fiskali għal kumpaniji li jagħtu donazzjonijiet lill-Malta Community Chest Fund, iżda temmen li dawn għandhom ikunu estiżi għal kulħadd u anke min jagħti donazzjonijiet lil NGOs oħra reġistrati.

Dwar it-trasport, AD qalet li hemm bżonn ta’ investiment f’infrastruttura tajba għal trasport alternattiv, filwaqt li staqsiet x’inhuma t-termini tal-ftehim ma’ Autobuses de Leon u x’policies se jimplimenta biex iħajjar lin-nies jużaw it-trasport pubbliku.

Inspire
Il-Fondazzjoni Inspire u l-Koperattiva Empower laqgħu l-miżuri li tħabbru fil-Baġit, li għandhom bħala għan li jtejjbu l-faċilitajiet residenzjali u l-prospetti ta’ xogħol għall-persuni b’diżabbiltà.

Inspire qalet li l-miżuri għandhom iwasslu għal aktar inklużjoni ta’ persuni vulnerabbli u b’hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja, l-indipendenza u l-inklużjoni soċjali.