Il-Baġit 2015 jista’ jwassal biex tiżdied il-burokrazija għan-negozji z-zghar. Dan joħroġ mill-miżura li tissemma f’paġna 24, u li inqrat mill-Ministru fil-bidu tad-diskors twil tiegħu mingħajr wisq enfasi fuqha.
Din il-miżura se twassal biex negozjanti li jaqalgħu ammonti żgħar ta’ flus, xorta se jkollhom jirreġistraw mad-Dipartiment tal-VAT.
Appell lill-Gvern biex tinqata’ l-burokrazija żejda
Dwar din il-miżura ħadna ir-reazzjoni ta’ Paul Abela, President tal-GRTU. Fil-kummenti tiegħu lil In-Nazzjon hu qalilna li dak li tħabbar fil-Baġit inaqqas l-abbuż, iżda jeħtieġ li din ma tkunx miżura burokratika.
“Din għandha tkun ħolqa minn serje ta’ miżuri li għandhom isiru biex inneħħu l-abbużi. Dan għaliex hemm bżonn li n-negozji jaħdmu f’ambitu ta’ kompetizzjoni ġusta”, sostna Paul Abela. Minn naħa l-oħra huwa appella lill-Gvern biex tinqata’ l-burokrazija żejda. “Per eżempju, m’għandekx għalfejn toqgħod tiġi mitlub tqabbad accountant biex tiġġustifika ruħek li taqla’ taħt is-7,000 ewro. Għandha tkun xi ħaġa faċli għan-negozji, trasparenti, u mingħajr ħafna burokrazija”.
Fi żmien amministrazzjoni preċedenti, min jaqla inqas minn 7,000 ewro ma kellux għalfejn jirreġistra għall-VAT, filwaqt li kellu obligu li joħroġ irċevuta mhux fiskali. Issa bil-Baġit din inbidlet, u l-proċedura ġiet li irrispettivament ta’ kemm taqla’ trid tirreġistra mad-Dipartiment tal-VAT, u toħroġ irċevuta fiskali.
Apparti li wieħed irid jirreġistra mad-Dipartiment, irid ukoll jimla’ r-return tal-VAT. Jekk dan ma jsirx, hemm multi kbar li wieħed jista’ jeħel u saħansitra anke ħabs.
Fil-fatt, il-kundanna ta’ ħabs għadha ma tneħħietx mil-liġi tal-VAT.
//= $special ?>