Internazzjonali

Bill Cosby mifni bi qlajjiet kontrih dwar allegati stupri

Kien il-missier li kull tifel jew tifla fl-Istati Uniti xtaqu li jkun tagħhom u d-dehriet tiegħu kull ġimgħa bħala l-protagonist kienu għamlu s-serje The Cosby Show popolari ħafna madwar id-dinja.

Iżda issa l-attur Bill Cosby, li l-parti ta’ Cliff Huxtable fit-Tmeninijiet tatu l-laqam ta’ “Missier l-Amerika”, ra r-reputazzjoni tiegħu tinqered f’temp ta’ ġimgħat, wara snin ta’ qlajjiet dwar l-imġieba tiegħu ma’ nisa żgħar li qed jitturmentawh.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, Cosby ħassar stediniet biex jidher f’diversi talk shows Amerikani mingħajr raġuni.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-komiku ta’ 77 sena spiċċa bbumbardjat b’diversi qlajjiet ta’ allegati stupri għal ħafna snin u hu ċ-ċentru tal-attenżjoni tal-media Amerikana u barranija.

Fost dawk li qed jakkużawħ hemm Barbara Bowman li qalet li Cosby taha d-droga u attakkaha fl-1985, wara li ġiet introdotta lilu mill-aġent tagħha meta kienet għadha qed titħabat biex issir attriċi u hu kien fil-quċċata tas-suċċess tiegħu f’The Cosby Show.