Internazzjonali

Bla ċikkulata sal-2020?

Id-domanda qawwija għaċ-ċikkulata qed twassal biex qed tintuża iktar żerriegħa tal-kawkaw (cocoa) milli filfatt qed tiġi prodotta. Dan ifisser li sal-2020 tista’ tispiċċa ċ-ċikkulata.

Ħabbar dan Barry Callebaut, l-ikbar produttur taċ-ċikkulata fid-dinja li fisser kif iż-żieda qawwija fil-prezz taċ-ċikkulata hu l-iktar fattur evidenti ta’ din il-problema.

Fir-riżultati tal-kumpanija Belġjana Barry Callebaut jirriżulta li fl-aħħar sena żdiedet id-domanda għaċ-ċikkulata tant li nbiegħet 1.72 miljun tunellata minn 1.54 miljun ta’ ċikkulata li nbiegħet sena qabel.

Iċ-ċikkulata qed taffaċċja wkoll riskji oħra fosthom il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u l-mard li jaffettwa l-kawkaw fost l-oħrajn. Dawn il-fatturi tellgħu l-prezz minn €1,600 għal €2,000 kull tunellata ċikkulata.

Mill-2005 sa llum il-prezz iktar minn irdoppja b’kumpaniji ewlenin wissew li jekk din iż-żieda tibqa’, il-prezz taċ-ċikkulata mhux se jibqa’ sostenibbli.