Kultura

Carols by Candlelight lura fix-xena lokali

Carols by Candlelight

F’Għawdex, l-istaġun tal-Milied jiftaħ iċ-ċelebrazzjonijiet bl-avveniment ta’ ‘Carols by Candlelight’. Fil-fatt, il-ħdax-il edizzjoni ta’ din l-attività tant popolari se tittella’ l-Ġimgħa 5 u s-Sibt 6 ta’ Diċembru.

Matul is-snin, ‘Carols by Candlelight’ baqa’ l-avveniment li dawk li għandhom il-mużika u l-Milied għal qalbhom, ma jistgħux jitilfu. Ħafna Maltin jaqsmu l-fliegu speċifikament minħabba dan l-avveniment. Residenti barranin li huma familjari ma’ dan l-avveniment, joqogħdu attenti għad-dati biex jattendu għal dan l-avveniment qabel ma jmorru jingħaqdu mal-familji tagħhom għall-vaganzi.

Il-Kumitat Organizzattiv jieħu ħsieb ta’ kull dettall biex jippreżenta serata oħra indimentikabbli. Din is-sena d-direzzjoni artistika hi f’idejn l-artista lokali Paul Stellini.

Is-serata tibda bil-Kunċert tal-Milied fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria. Il-programm se jinkludi għanjiet tradizzjonali u oħrajn kontemporanji. Dritt wara l-kunċert, issir ikla fil-Kjostru tal-Kunvent tal-Agostinjani stess. Il-kjostru jkun imżejjen għall-okkażjoni u hawn tiġi servuta wkoll l-ikla bnina mix-chefs tar-restorant Ta’ Frenċ, immexxija minn espert fil-qasam tal-ikel, Mario Schembri.

Barra minn hekk, fid-daħla tal-kunvent, se jkun hemm wirja ta’ tpinġijiet tal-Milied minn George Apap, artist Għawdxi li jgħix il-Mosta. George Apap għandu rabta speċjali mal-Milied għax baqa’ jġorr tifkiriet tat-tfulija tiegħu speċjalment fejn jidħlu l-kartolini tal-Milied tal-era Vittorjana.

Din l-aħħar sena, Schola Cantorum Jubilate kien impenjat ferm fix-xena mużikali lokali. Preċiżament sena ilu, il-kor ipparteċipa fil-Festival Internazzjonali tal-Korijiet f’Malta fejn kiseb ‘Silver Medal Award’ fil-kategorija ‘Sacred a cappella’. Barra minn hekk, f’April li għadda, il-kor flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tella’ l-kapulavur ‘Requiem’ ta’ Maurice Duruflé. Dan l-aħħar ukoll, il-kor kien imsemmi media lokali minħabba l-parteċipazzjoni fil-kunċert parti minn ‘Modern Music Days’ li kien organizzat mit-Teatru Manoel, il-‘Malta Association for Modern Music’ u Valletta 18.

Il-kor hu taħt it-tmexxija ta’ Marouska Attard li dan l-aħħar kisbet Master Degree fid-Direzzjoni Korali mir-Royal Welsh College of Music and Drama. Marouska Attard waslet lura mill-Ingilterra b’ideat innovattivi li żgur se jħallu impatt f’dan l-avveniment Natalizju.

Il-qligħ minn din is-serata se jmur għal Dar Ġużeppa Debono li tissapportja l-ħajja mill-bidu nett tagħha.
Il-biljetti jinsabu għall-bejgħ mingħand D’Amato Records Shop, tal-Belt Valletta u Bargate Bookshop, tal-Belt Victoria. Dawk li jixtiequ jqattgħu l-lejl fil-Kunvent ta’ Santu Wistin huma mitluba jikkuntattjaw lill-Patrijiet fuq 21556060.

Għal aktar informazzjoni tistgħu żżuru s-sit elettroniku www.scjchoir.com jew il-paġna ta’ Facebook.