Baġit 2015 Ekonomija Lokali

Diversi miżuri li jinkludu taxxi indiretti

Il-Forum Unions Maltin qal li dan il-Budget jidher li hu wieħed bilanċjat b’miżuri u inċentivi finanzjari għall-ħaddiema. Madanakollu, fih diversi miżuri li jinkludu taxxi indiretti li l-impatt tagħhom fuq il-livell tal-għajxien tal-ħaddiema u l-pensjonanti għad irid jiġi studjat u għalhekk huwa prematur li wieħed jieħu pożizzjoni skjetta f’dan l-istadju.

Il-Forum qal li jilqa’ t-tnaqqas fir-rata tat-taxxa ta’ impjegati bi dħul medju minn 29% għal 25%. Din hija miżura fid-direzzjoni t-tajba biex ikun hemm distribuzzjoni aktar ġusta tal-piż tat-tassazzjoni li għal ħafna żmien kienet taqa’ biss fuq din il-faxxa soċjali.

Il-Forum innota wkoll diversi miżuri intiżi biex jiġi mrażżan l-evażjoni tat-taxxa u l-abbuż mill-benefiċċji soċjali. Jinnota wkoll li hemm diversi inċentivi biex persuni inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq is-servizzi soċjali u dan huwa konformi mal-proposti li l-Forum ilu jisħaq dwarhom.

Rigward is-settur tal-edukazzjoni, l-Forum innota l-isforz tal-Gvern biex ikompli jinvesti f’dan is-settur u fl-edukaturi. Il-Forum jawgura li l-process ta’ konsultazzjoni bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali għandu jiżvolġi u jitħaddem biex wieħed jagħmel l-aħjar użu tal-proċess ta’ djalogu soċjali. F’dan il-kuntest, innota wkoll li l-konsultazzjoni dwar ħiniiet tal-iskejjel tista’ timpatta l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-gradi tal-għalliema u li għalhekk kellu jkun suġġett ta’ diskussjoni minn qabel mal-MUT. Dan apparti wkoll l-impatt fuq ħaddiema oħra u fuq il-ġenituri li jaġdmu.

Rigward is-settur tas-saħħa jigi osservat li qed jigu proposti żviluppi tajbin bħal aktar investiment fl-infrastruttura u fir-riżorsi umani. Dan għandu jawgura servizz ta’ saħħa aħjar. Il-Forum stenna li jiġu ndirizzati aktar il-problemi tal-waiting lists għall-anzjani biex jidħlu fi djar residenzjali kif ukoll in-nuqqas ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei. F’dan ir-rigward kien mistenni investiment akbar fil-kura primarja u servizzi fil-komunita’ bħal l-introduzzjoni tal-family health nurse. Tali miżura setgħet tnaqqas id-domanda tas-sodod fl-Isptar Mater Dei, anki kif rakkomandat mill-WHO.

Il-Forum qal li l-Budget 2015 issemmi wkoll l-ħaddiema tal-Enemalta u l-garanzija tal-Gvern dwar l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema. Il-Forum qal li jilqa’ ukoll b’sodisfazzjon id-determinazzjoni tal-Gvern li jżid ir-rotot u l-ħidma tal-Air Malta li qed tagħti kontribut kruċjali lill-ekonomija Maltija u hija determinanti fl-industrija tat-turiżmu. Il-Forum innota wkoll l-isforzi tal-Gvern favur enerġija nadifa u rinnovabbli u dwar il-konservazzjoni tal-ilma.

Rigward il-pensjonanti, l-Forum laqa’ b’sodisfazzjon diversi miżuri kontemplati f’dan il-Baġit biex itejjeb id-dħul tal-pensjonanti u l-livell tal-għajxien tagħhom. Dan jaqbel mal-prinċipju li jisħaq fuqu l-Forum li min ikkontribwixxa għall-iżvilupp tal-pajjiż għandu jkollu għajxien xieraq. Il-Forum ukoll innota li l-Gvern qiegħed jinċentiva lilfirst time buyers biex jixtru l-propjeta’ tagħhom u b’hekk isaħħaħ il-kultura ta’ għaqal u bżulija.

Il-Forum Unions Maltin sostna li l-Baġit għandu jkun għodda li bih jinħoloq bilanċ soċjali fejn il-piż tat-taxxi jkun distribwit b’mod ekwu kif ukoll li jkun hemm tqassim ġust tal-ġid. Il-Forum awgura li wara l-eżerċizzju tal-Baġit ma jiddaħħlux taxxi jew miżuri oħra li jkollhom impatt fuq l-għajxien tal-familji tal-ħaddiema u l-pensjonanti. Il-Forum jistenna wkoll li jkun hemm konsultazzjoni u qbil mal-imsieħba soċjali biex il-mekkaniżmu li jiddetermina l-għoli tal-ħajja jkun aġġornat mal-ispejjeż u l-impenji tal-familji Maltin.