Lokali

Erba’ sigħat ta’ ħabi tal-effetti tat-taxxi fuqek

Budget ta’ Gvern bla direzzjoni ekonomika u li ma jqassamx il-ġid b’mod ġust

Il-budget tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, ippreżentat ilbieraħ mill-Ministru Edward Scicluna huwa budget ta’ Gvern bla direzzjoni ekonomika u li ma jqassamx il-ġid b’mod ġust. F’erba’ siegħat diskors, Edward Scicluna ħeba l-effetti tat-taxxi li se jkunu qed iħossu l-familji, l-ħaddiema u l-pensjonanti Maltin u Għawdxin.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech ta rendikont ta’ diversi miżuri fil-budget li se jwasslu biex il-familji u l-ħaddiema Maltin ikollhom anqas flus fil-but. L-akbar taxxa fuq il-poplu Malti hija dik b’rabta mal-prezzijiet tal-fuels li Joseph Muscat ikkonferma li se jżommhom għoljin.

Minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt bħalissa jinsab fl-istess livelli tal-2010, l-prezz tal-petrol bħalissa huwa 24c aktar minn dak li kien fl-2010 u dak tad-diesel 30c ogħla minn dak tal-2010. Tonio Fenech qal li “Joseph Muscat flok raħħas il-petrol u d-diesel b’dawn iċ-ċifri, naqqas biss il-petrol b’2c u d-diesel b’1c. Dan ifisser li l-kumplament se jżommhom il-Gvern.”

Tonio Fenech ta rendikont tat-taxxi ġodda jew żidiet fit-taxxi li jinkludi l-budget għas-sena d-dieħla :

Żieda fuq it-taxxa tal-mobile li se taffettwa wkoll lin-negozji
Żieda fil-liċenzji tal-karozzi
Żieda fil-boll tal-assigurazzjoni
Taxxa ġdida fuq l-inbid
Żieda fil-prezz tas-sigaretti
Żieda fil-prezz tas-siment
Żieda fil-kirjiet tal-krejns
Żieda fil-liċenzja tas-swimming pools
Żidiet fil-ħlasijiet għas-servizzi tal-Gvern
Ma tbaxxiex il-prezz tal-gass minkejja r-roħs fuq livell internazzjonali
Dan minbarra l-fatt li ftit biss qabel il-budget, għolew il-kirjiet tal-housing soċjali, kif ukoll l-eżamijiet tal-MATSEC għall-istudenti.

Tonio Fenech tkellem ukoll dwar taxxa ġdida fuq il-proprjetà kif ukoll għamel referenza għall-fatt li negozji żgħar u self employed li ma jaqilgħux aktar minn €7,000 issa jridu jirreġistraw għall-VAT.

Tonio Fenech esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li minkejja li xahar wara l-ieħor, l-istatistika qed tikkonferma li l-manifattura f’pajjiżna sejra lura, l-budget ma jsemmi xejn dwar kif il-Gvern se jinċentiva din l-industrija.

“Minkejja li dan hu t-tielet budget tiegħu, l-Gvern għadu ma jafx liema huma s-setturi li jrid jinċentiva, u x’setturi ġodda jrid jattira lejn pajjiżna,” sostna Tonio Fenech.

Fl-aħħarnett, Tonio Fenech qal li huwa ta’ tħassib li għall-ewwel darba, d-dejn ta’ pajjiżna se jmiss is-70% ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż.