Sport

Il-Bożnija jkeċċu lil Susic

Il-Bożija-Herzegovina keċċew lill-kowċ nazzjonali Safet Susic wara l-bidu diżappuntanti li kellhom fil-kwalifikazzjoni għall-Euro 2016. Mill-ewwel erba’ partiti l-Bożnija ħadu biss żewġ punti u bħalissa qegħdin qabel tal-aħħar fi Grupp B.

Id-deċiżjoni tal-FA Bożnijaka waslet wara t-telfa 3-0 nhar il-Ħadd kontra l-Iżreal. Susic kien inħatar kowċ tal-Bożnija fl-2009 u sena wara kien wassal lit-tim sal-play-offs tat-Tazza tad-Dinja tal-2010 u fis-sajf li għadda għall-ewwel darba fl-istorja, ħadu sehem fit-Tazza tad-Dinja fejn kienu eliminati fil-fażi tal-gruppi.

BENITEZ – Il-kowċ ta’ Napoli Rafa Benitez ikkonferma li kellu diskussjonijiet mad-diriġenti biex iġedded il-kuntratt. Benitez kien inħatar kowċ ta’ Napoli fl-2013 u fl-ewwel sena tiegħu Napoli spiċċaw it-tielet u rebħu l-Coppa Italia. Il-kuntratt attwali ta’ Benitez fadallu sena u l-kowċ Spanjol qal li fi tmiem l-istaġun ikun jaf eżatt kemm se jdum mal-klabb.

LAHM – Id-difensur ta’ Bayern Munich Philipp Lahm sofra injury serja waqt sessjoni ta’ taħriġ u mistenni jdum barra madwar tliet xhur. Lahm, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja din is-sena, waqà ħażin u kiser l-għaksa. Din hi daqqa ta’ ħarta kbira għal Bayern li bħalissa qegħdin fil-quċċata tal-Bundesliga u fil-fażi tan-knockout taċ-Champions League.

MAN UTD – Rapporti fil-ġurnali Ingliżi qed jgħidu li Man Utd qed jippjanaw biex eżatt kif jintemm l-istaġun imorru tour fl-Asja u minnu jittamaw li jdaħlu flus biex ipattu għat-telf finanzjaru li sofrew minħabba li ma ikkwalifikawx għaċ-Champions League fejn hu mifhum li r-Red Devils tilfu madwar 45 miljun lira sterlina. L-istess rapporti qed jispekulaw li Man Utd qegħdin f’diskussjonijiet biex waqt li jkunu fl-Asja jilagħbu logħba ta’ ħbiberija kontra Milan.

BAHRAIN – Il-Bahrain keċċa lill-kowċ Adnan Hamad wara bidu diżappuntanti li kellhom fil-Gulf Cup. Hamad, kowċ Iraqqin kien mistenni jmexxi lit-tim waqt it-Tazza Asjatika li se tibda f’Jannar imma wara draw u telfa fl-ewwel żewġ partiti mill-fażi tal-gruppi tal-Gulf Cup, il-Bahrain iddeċiedew li jkeċċuh.
NUNEZ – L-eks President ta’ Barcelona Jose Nunez beda jiskonta piena ta’ ħabs minħabba li kien xaħħam lil xi uffiċjali tat-taxxa. Nunez, li għandu 83 sena mistenni jdum sentejn u xahrejn il-ħabs. L-eks President tal-klabb Katalan kien instab ħati fl-2011 imma l-klabb ma kienx involut. Nunez serva bħala President tal-klabb bejn l-1978 u l-2000.

CRESPO – L-eks plejer ta’ Parma Hernan Crespo qal li jaċċetta li jkun kowċ tal-eks klabb tiegħu jekk ikun offrut kuntratt. Dan l-aħħar kien hemm spekulazzjonijiet li l-kowċ attwali Roberto Donadoni jista’ jitlef postu, speċjalment wara t-telfa umiljanti ta’ 7-0 kontra Juventus. Crespo qal li filwaqt li jittama li Donadoni jżomm postu sa tmiem l-istaġun qal li ma jitlifx iċ-ċans li jmexxi t-tim.

ERIKSSON – Shanghai SIPG ippreżentaw lil Sven-Goran Eriksson bħala l-kowċ il-ġdid, ġimgħa biss wara li telaq lir-rivali tas-Super League Ċiniż Guangzhou R and F. L-eks kowċ nazzjonali tal-Ingilterra kien ilu żmien jisemma bil-qawwi li se jibdel il-klabb u jinsab ħerqan li jkompli l-mixja pożittiva ta’ SIPG wara li temmew fid-disa’ u l-ħames post rispettivament fl-ewwel żewġ staġuni fl-ogħla diviżjoni.