Il-proċess ta’ negozjati tal-Gvern mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, li mis-sena d-dieħla mistennija tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, issa jinsab wieqaf, hekk kif il-Qorti laqgħet talba ta’ mandat ta’ inibizzjoni minn konsorzju Malti li ma ntagħżilx mill-Gvern biex jipprovdi dan is-servizz.
Dan wara li l-għaġla tal-Gvern biex ifittex jiffinalizza l-ftehim mal-kumpanija Spanjola wasslet biex il-Gvern jittieħed il-Qorti mill-kumpanija Maltija. Kienet l-intenzjoni tal-Gvern li jfittex jiffinalizza l-ftehim sat-Tnejn biex dan ikun jista’ jiġi żvelat mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fil-Baġit għas-sena d-dieħla.
Kif kien rappurtat it-Tnejn, Island Buses Malta ma kelliex għażla oħra ħlief li tieħu lill-Gvern quddiem il-Qorti Ċivili wara li l-konsorzju Malti sar jaf li l-Gvern u l-kumpanija Spanjola spiċċaw jitkellmu dwar ftehim ġdid u differenti minn dak li kien inkluż fis-sejħa ta’ interess.
Fil-mandat, li tressaq quddiem l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima mill-Avukati Nicholas Valenzia u Stephen Muscat, il-konsorzju Malti qal li fl-ittra mibgħuta lill-kumpaniji li esprimew interess, il-Gvern qatt ma kien informahom liem kienet il-kumpanija magħżula. Fil-fatt, isem il-kumpanija Spanjola kien żvelat biss minn fuq il-media, hekk kif il-Gvern u l-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi baqgħu qatt ma riedu jgħidu min intagħżel.
Madankollu, Island Buses Malta spjegat li f’dak l-istadju ma ħassitx li kellha għalfejn tappella, hekk kif emmnet li ma kien hemm xejn x’jindika li seta’ kien hemm xi irregolaritajiet fl-evalwazzjoni tal-offerti. Iżda issa, il-kumpanija nnutat li fil-ġimgħat ta’ wara, il-Ministru Mizzi mar Madrid biex jitkellem mal-Autobuses de Leon, minkejja li l-Gvern qatt ma talab l-ebda kjarfika mill-kumpaniji li tefgħu s-sottomissjoni tagħhom.
Anke f’dan il-każ, irrimarka l-konsorzju Malti, il-Gvern u l-Ministru Mizzi ħallew iż-żjara moħbija, tant li kellhom ikunu diversi rapporti fil-media li żvelaw din iż-żjara.
Fil-mandat kontra l-Gvern, Island Buses Malta enfasizzat fuq il-fatt li Autobuses de Leon se jingħata sussidju differenti minn dak li l-kumpanija Spanjola ddikjarat. Fis-sejħa kien ingħad li l-kumpanija b’offerta baxxa għal sussidju kienet ħa tkun ivvantaġġjata, madankollu, Island Buses Malta nnutat li s-sussidju ta’ €23 miljun li l-Gvern se jkun qed jagħti lill-kumpnija Spanjola se jkun ukoll qed jiżdied fis-snin ta’ wara.
Barra minhekk, il-konsorzju Malti rrefera wkoll għal intervista ta’ Joe Mizzi, li kien ammetta li l-kumpanija Spanjola mhux se tkun qed tagħti servizz esklussiv tat-trasport mill-bidu, minkejja li s-sejħa ta’ interess kienet titlob hekk. B’hekk, ladarba jiżdied is-servizz, mistenni jiżdied ukoll is-sussidju!
Island Buses Malta enfasizzat li t-tibdil fil-ftehim bejn il-Gvern u Autobuses de Leon ma kellux isir wara l-għażla tal-kumpanija iżda qabel … għax dan ifisser li l-offerta tal-kumpanija Spanjola ma kinitx tkopri dak kollu mitlub mis-sejħa għall-offerti. Il-kumpanija Maltija sostniet li kieku kienet taf li l-Gvern se jagħti l-possibbiltà li jvarja s-servizz mitlub, l-offerta tagħha kienet tkun totalment differenti u allura aktar kompetittiva.
Island Buses Malta qalet li kellha tasal sal-livell ta’ mandat ta’ inibizzjoni għax matul il-perjodu li fih setgħet tappella, qatt ma kien hemm indikazzjoni li l-offerta magħżula mhijiex skont il-parametri tas-sejħa ta’ interess. Il-mandat se jibda jinstema’ fis-27 ta’ Novembru.
Agħfas hawn biex taqra l-Mandat ta’ Inibizzjoni
//= $special ?>