Il-Parlament japprova seba’ riżoluzzjonijiet għal trasferiment ta’ artijiet
Il-Kamra tad-Deputati approvat seba’ riżoluzzjonijiet speċjali biex binjiet u artijiet ikunu trasferiti b’ċens lil għaqdiet filantropiċi, assoċjazzjonijiet u soċjetajiet reliġjużi, għal skopijiet u l-għanijiet tal-attivitajiet fdati bihom dawn l-għaqdiet, fosthom għoti ta’ art lill-Provinċja Maltija tal-Agostinjani biex tinbena skola ġdida u faċilitajiet oħra edukattivi.
Ir-riżoluzzjonijiet tressqu bi qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni, mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amminstrattiva fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Michael Falzon. Il-Kamra vvutat unanimament favur dawn ir-riżoluzzjonijiet.
Il-Provinċja Maltija tal-Agostinjani ngħatat l-art fil-Marsa wara li xtaqet testendi l-iskola li għandha fil-Pietà/Guardamangia, u ma kinitx ingħatat il-permessi neċessarji sabiex tagħmel hekk.
Wara li l-Gvern ta’ Malta xtaq li l-Medical School terġa’ tirritorna għandu, ta lill-Provinċja Maltija tal-Agostinjani biċċa art li qiegħda l-Marsa tal-kejl ta’ madwar 4,464 metri kwadru, u dan bl-istess titlu ta’ ċens temporanju għal 99 sena. Għaldaqstant kien itterminat iċ-ċens temporanju tal-Medical School u minflok jingħata lill-Provinċja Maltija tal-Agostinjani l-art fil-Marsa b’ċens temporanju ta’ 99 sena għal ċens annwali u temporanju ta’ €1,000.
Mir-riżoluzzjonijiet approvati mill-Parlament Malti se jibbenefikaw ukoll l-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, tan-Naxxar; is-Soċjetà Dun Filippu Borgia, f’Birkirkara; is-soċjetà reliġjuża tas-Salesjani; il-klabb tal-futbol tal-Hibernians; is-Soċjetà Maltija tal-Arti, Manifattura u Kummerċ; u l-Assoċjazzjoni ta’ Malta tal-BMX.
Il-proprjetà 41 u 43 fi Triq Santa Luċija, fin-Naxxar, illum interkonessi u proprjetà waħda, ġiet trasferita lill-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, tan-Naxxar, għal żmien 50 sena b’ċens temporanju ta’ €500 fis-sena.
Il-fond fi Pjazza Sant’ Elena f’Birkirkara, għadda għand is-Soċjetà Dun Filippu Borgia, Birkirkara għal perjodu ta’ 30 sena biċ-ċens annwali u temporanju ta’ €350.
Il-Gvern iddispona wkoll b’titlu ta’ enfitewsi temporanja favur tas-soċjetà Salesjani – il-bini ta’ Dar Osanna Pia, fi Triq Mrabat, f’San Ġiljan, għal perjodu 30 sena biċ-ċens ta’ €500.
Il-Hibernians Football Club, ingħata l-fond 106, ‘Casa Flamini’ fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, b’ċens annwali u temporanju ta’ €1,200 biex jintuża unikament u esklussivament bħala Football Club għat-tim tal-futbol lokali tal-Hibernians u għall-membri u supporters tal-istess klabb.
Is-Soċjetà Maltija tal-Arti, Manifattura u Kummerċ ingħatat għal 30 sena l-fond 219, magħruf bħala Palazzo de La Salle, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, b’ċens ta’ €4,300 fis-sena.
Riżoluzzjoni oħra approvata kienet tirrigwarda art f’Pembroke biex tintuża unikament u esklussivament għal skopijiet ta’ Indoor Skate Park. L-art hi mifruxa fuq mhedda ta’ 4,305 metri kwadri suġġetta għal ċens annwali u temporanju ta’ €2,500, u ġiet trasferita b’titlu ta’ ċens temporanju lil Malta BMX Association.
//= $special ?>