Ofcom fetħet investigazzjoni dwar kif il-Premier League qed ibiegħ id-drittijiet tiegħu għal xandiriet live lit-televiżjoni tal-partiti fir-Renju Unit.
Dan sar wara lment li Virgin media kien ippreżenta uffiċjalment lill-Ofcm f’Settembru.
BskyB u BT bħalissa jaqsmu bejniethom id-drittijiet biex ixandru l-partiti mill-Premier League.
Il-prezz tal-aħħar ftehim li jkopri mill-2013 sal-2016, tela’ b’70% għal £3 biljuni meta kien tħabbar fl-2012.
Ofcm tinvestiga fejn ikun hemm suspetti raġjonevoli ta’ ftehim li jista’ jkun immirat li jħassar, jirrestrinġi jew jostakola kompetizzjoni. Jingħad li l-investigazzjoni se ssir taħt ir-regolamenti tal-att tal-kompetizzjoni.
Il-Premier League dalwaqt jiftaħ il-proċess biex jilqa’ offerti għad-drittijiet tal-perjodu li jmiss mill-2016 il-quddiem.
Imma Virgin qed isostnu li l-arranġamenti kurrenti
“għall-bejgħ kollettiv tax-xandiriet diretti lit-televiżjoni fir-Renju Unit mill-Premier League għall-partiti tal-klabbs li jiffurmaw parti minnu, hu ksur tar-regolamenti tal-liġi tal-kompetizzjoni.”
Partikolarment dan qajjem dubji dwar in-numru ta’ partiti tal-Premier League li tagħhom qed ikunu disponibbli x-xandiriet.
“Virgin media qed jargumentaw li l-proporzjon ta’ partiti li huma disponibbli għal xandiriet diretti taħt il-kuntratt preżenti tad-drittijiet tal-Premier League – ta’ 41% – hu inqas minn dak ta’ pajjiżi oħra Ewropej prominenti fejn aktar partiti huma disponibbli għal xandiriet diretti,” qalet Ofcom fi stqarrija.
Ofcom qalet li “qed titħasseb ukoll dwar iż-żmien li fih se jsiru l-offerti għal drittijiet ta’ xandiriet diretti u tinsab miftuħa għal diskussjoni mal-Premier League dwar il-pjani tagħha.”
Qalet ukoll li se tħares lejn il-każ dwar kemm partiti qegħdin jiġu mċaqilqa mill-ħin oriġinali tagħhom tat-3 p.m. (4 p.m. ħin lokali) kull nhar ta’ Sibt minħabba l-ħtiġijiet televiżivi.
Bħala parti minn dan, se tkun qed tavviċina lill-Federazzjoni tal-Partitarji tal-Futbol u gruppi oħra ta’ partitarji biex tieħu l-opinjoni tagħhom.
Meta Virgin għamlet l-ilment għall-ewwel darba, il-Premier League kien qal li d-drittijiet televiżivi tiegħu “dejjem inbiegħu b’mod trasparenti u fi proċess miftuħ.”
//= $special ?>“Fil-passat ir-regolaturi eżaminaw il-pakkett ta’ drittijiet tagħna u l-proċess tal-bejgħ b’mod dettaljat u sabuhom it-tnejn konformi mal-liġi tar-Renju Unit u dik tal-kompetizzjoni Ewropeja.”

