Lokali

Is-servizz imqanżaħ bejn Malta u Għawdex – Il-komunità kummerċjali mħassba

Ir-rapport pubblikat fil-maltarightnow ilbieraħ li t-traġitt bejn Malta u Għawdex permezz tal-Gozo Channel qiegħed isir bl-aktar mod imqanżaħ minħabba li qed jingħata biss minn żewġ vapuri tal-kumpanija minħabba li l-MV Gaudos – il-ġimgħa l-oħra – inkalja mal-moll wara li żviluppawlu ħsarat, qiegħed iħasseb lill-komunità Għawdxija minħabba li fi tmiem din il-ġimgħa mistenni jkun organizzat week end speċjali għal dawk li jridu jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer u l-Gozo Channel se toffri roħs fuq in-nollijiet tagħha kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-vetturi tagħhom.

Joe Muscat, iċ-Chief Executive Officer tal-Gozo Tourism Association, f’korrispondenza li bgħatilna, qal li “wara rapport li deher fuq pagna ta’ Għawdex tal-portal maltarightnow, qed nirċievu diversi lmenti mill-membri tagħna li dan ir-rapport se jikkawża ħsara lill-istess stabbilimenti peress li s-suq Malti qed jiġi imgerrex milli jaqsam lejn Għawdex fil-weekend li ġej, meta l-Gozo Channel qed toffri nollijiet bi prezz ridott.”
Fil-fatt membri tal-komunità kummerċjali Għawdxija fis-sigħat li għaddew għamlu kuntatt bit-telefon ma’ maltarightnow u wrew ix-xewqa tagħhom li l-MV Gaudos ikun jista’ jbaħħar fil-jiem li ġejjin biex hekk is-servizz lil dawk li jkunu jridu jaqsmu bejn Malta u Għawdex ma jkunx bħal dak ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet – jiġifieri ma jkunx servizz diżastruż għall-aħħar dominat minn kjuwijiet twal ta’ karozzi li żgur joħloq ħafna inkonvenjenzi!