Kultura

It-tieni edizzjoni ta’ ktieb ieħor ta’ Anton Grasso

(kitba ta’ Alfred Massa)

Anton Grasso żgur li m’għandux bżonn ta’ introduzzjonijiet, daqskemm m’għandhomx bżonn ta’ introduzzjoni l-kotba tiegħu. Tant hu hekk, li wħud minnhom kellhom jiġu ppubblikati aktar minn darba; dan hu wieħed minnhom. Fil-fatt dawn il-ħames stejjer kienu raw id-dawl għall-ewwel darba fi ktieb fl-1988 f’edizzjoni Universal Library.

Meta ktibt dwar l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-ktieb kont għedt li dawn l-istejjer huma speċi ta’ pont bejn in-novella tradizzjonali u dik moderna, Grasso jidher li ħareġ ukoll minn dawk il-ħafna dmija u waħxijiet li kien beda bihom fl-ewwel kotba tiegħu. Hawn il-biża’ jqarreb aktar lejn dak psikoloġiku milli lejn il-fiżiku. B’danakollu jinsab hemm anki jekk taħt libsa ġdida. Għax wara kollox, dawn l-istejjer huma kklassifikati bħala Stejjer tal-Biża’.

U bħal kull storja ta’ din il-kategorija, il-qarrej ċertament li se jiltaqa’ mal-ingredjenti kollha li jagħmlu din it-tip ta’ letteratura li issa Anton Grasso bir-raġun kollu jista’ jitqies bħala n-numru wieħed ta’ żmienna; għalhekk insibu biża’, diżgrazzji, ġenn, tensjoni, inġustizzji, tradimenti, imwiet u ħafna aġir misterjuż għalih donnu l-bniedem ma jsibx tweġiba. Naturalment, kif wieħed jistenna, il-biża’ jvarja minn storja għal oħra.
Hekk ngħidu aħna f’Mejt għandna dak il-mikrobu fl-arja li jmarrad diversi persuni u jibdilhom f’bhejjem feroċi jew aħjar fi bnedmin bla raġuni, li jsibu sodisfazzjon biss f’sadiżmu sfrenat. Marda li werwret lil kulħadd. Min-naħa l-oħra, f’Il-Ġar naraw il-vendetta ta’ Ramsey, tifel ta’ tmien snin, li jitħallas mill-qattiel tiegħu l-istess mod kif ikun qatlu hu. Kważi fuq l-istess linja timxi l-istorja Ir-Raġel ta’ Novembru. Hawn niltaqgħu maż-żagħżugħ Raymond li jibda joqtol it-tfajliet bl-istess mod kif ommu kienet qatlet lil missieru.

Kull minuta għandha żewġ uċuħ: l-istess il-ħsieb ta’ Grasso; għandu anki l-lat pożittiv tiegħu kemm-il darba wieħed iħares lejh bħala difensur tal-ħajja. Dawn l-atti barbari mdemmija jseħħu bħala tpattija għax xi ħadd ikun neħħa l-ħajja ta’ ħaddieħor, kif insibu fl-istorja Id-dar fejn tieħu gost tmut. L-iskop tal-kumpanija tal-assigurazzjoni kien li tinfetaħ dar fejn in-nies imdejqa jmutu hienja. Veru li s-Sur Alex Bartibol kellu ħsieb ieħor, imma n-nies mid-dehra dan ma skopritux; anzi.

Anton Grasso latest

Grasso ma jonqosx li jagħti saħansitra importanza xierqa lill-imħabba. F’Il-Ġar naraw l-imħabba materna ta’ Santa lejn binha Jerry; f’Ir-Raġel ta’ Novembru għandna l-imħabba ta’ Raymond lejn missieru. Imbagħad f’Id-Dehra tal-Pont niltaqgħu ma’ żewġ imħabbiet: l-imħabba ta’ Ninna lejn żewġha u l-imħabba ta’ Saver lejha. Hawn l-imħabba dejjem hi mlibbsa bis-sinċerità u mhix infatwazzjoni. Għax ngħiduha, jekk ġrajja tkun ieqsa minn ċerta doża ta’ romantiċiżmu, x’gost ikun fiha?

Anton Grasso għandu ħabta joħloq karattri veri tad-demm u l-laħam, karattri li niltaqgħu magħhom f’diversi postijiet u f’diversi ċirkostanzi f’ħajjitna. Imbagaħd jilgħab bihom kif jidhirlu.

Ipoġġihom f’ċirkostanzi, uħud misterjużi u jgħaddihom minn esperjenzi li wara kollox faċli wieħed jgħaddi minnhom bħal diżillużjonijiet, tbatijiet fiżiċi u mentali, ġenn, vendetti, mard, nuqqas ta’ sigurtà, imwiet. B’dawn l-ingredjenti l-awtur jinseġ il-ħsieb tiegħu, aktax makabru, li ħafna drabi jġiegħel ġisem il-qarrej iqum xewk xewk. Fi kliem ieħor, dawn l-istejjer jixbhu lill-opri, fejn kull ġrajja dejjem tispiċċa bi traġedja.

Ma tonqos id-diskata tas-sopranatural li tirrenja f’kull waħda minn dawn l-istejjer. Din hi xi ħaġa li l-qarrej jistennieha f’letteratura simili. Il-klima maħluqa minn Grasso taf toħloq bosta mistoqsijiet li tweġiba għalihom jew ma tinstabx inkella ma tissodisfax; imma fl-istess ħin kapaċi tkun tema għal diskussjonijiet interessanti. Il-qarrej jinnota wkoll li fi stejjer bħal dawn tispika l-ġlieda li teżisti madwarna bejn it-tajjeb u l-ħażin; il-ħasra hi li fi tmiemhom mhux dejjem it-tajjeb joħroġ rebbieħ.

In-novelli huma ta’ tul differenti, Iżda anqas dawk twal ma jdejqu lill-qarrej għax Anton Grasso jaf jibni ġrajja li mill-plot ewlieni joħroġ oħrajn sekondarji, li flimkien iqanqlu aktar kurżità fil-qarrej li jħajruh jersaq lejn it-tmiem biex jara kif se tispiċċa. Barra minn hekk, Grasso qassam l-istejjer f’taqsimiet relattivament qosra u ħoloq ħafna djalogu li jagħmel il-kitbiet aktar mexxejja.

Kollox ma’ kollox, stejjer-xalata għal dawk li jħobbu jaqraw letteratura ta’ dan it-tip.