Futbol Sport

Klabb fit-Turkija jimmulta lill-plejers li jħallu d-daqna

M’humiex mudell ideali għaż-żgħażagħ’, jgħid il-President ta’ Genclerbirligi

Il-klabb ta’ Genclerbirligi, li jilgħab fis-Super Lig ( l-ogħla diviżjoni) tat-Turkija, iddeċieda li joħloq preċedent uniku fil-kodiċi tad-dixxiplina – bil-plejers tiegħu qed ikunu pprojbiti milli jħallu l-leħja jew id-daqna ‘biex ma jagħtux l-agħar eżempju’.

Kelliema għall-klabb qalu li l-plejers li ‘jittraskuraw id-dehra tagħhom’ b’dan il-mod ikunu jixbħu l-istudenti tal-iskejjel Iżlamiċi; bid-diriġenti – b’mod partikolari ċ-Chairman Ilhan Cavcav – qed jinsistu biex il-plejers ikunu mudell għaż-żgħazagħ fil-ground u barra l-ground.

Għaldaqstant, id-diriġenti ta’ Genclerbirligi ddeċidew li jimmultaw kwalunkwe mill-plejers tagħhom li jħallu d-daqna l-ekwivalenti ta’ $11,200.

‘Illum għalaqt it-80 sena, u ma tgħaddix imqar ġurnata li ma nqaxxarx il-leħja,’ sostna Ilhan Cavcav, li spjega din id-deċiżjoni tal-klabb li tista’ tidher pjuttost eżaġerata f’għajnejn ħafna dilettanti tal-futbol.

Cavcav jilmenta li n-neputi tiegħu stess, li għandu 23 sena, spiċċa negattivament affettwat bid-dehra tal-plejers u anki l-kowċis bid-daqna jew bil-leħja twila.

Iċ-Ċhairman tal-Genclerbirligi ma żammx lura milli jsemmi ‘l-eżempji ħżiena’ – fosthom Slaven Bilic, l-eks-difensur internazzjonali Kroat li llum qed jikkowċja lill-klabb rivali Besiktas. Skont Cavcav, il-midfielder ta’ Galatasaray, Selcuk Inan u l-gowlkiper ta’ Fenerbache, Volkan Demirel, huma fost il-plejers ‘li ma jagħtux eżempju tajjeb f’dan ir-rigward’.

Intant, iċ-Chairman tal-Genclerbirligi hu determinat li jmexxi tip ta’ ‘kruċjata’ u qal li talab lil Yildirim Demiroren, iċ-Chairman tal-Federazzjoni tal-Futboll Torka, biex joħroġ direttiva speċifika li tesiġi biex l-ebda plejer tal-futbol fit-Turkija ma jkabbar id-daqna.

Jidher ukoll li Ilhan Cavcav m’hu kuntent xejn bir-reazzjoni ta’ Demiroren ‘li qallu li ma setgħux jinsistu b’din ir-restrizzjoni meta l-UEFA ma kenitx se tagħtihom il-permess’.

Cavcav wera l-frustrazzjoni tiegħu waqt intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet, Dogan, fejn qal li ‘ddejjaq mill-UEFA’. Hu, imbagħad, stqarr xewqtu ‘li jkollhom xi mkien ieħor biex ikunu jistgħu jilgħabu l-futbol’.

Intant, il-plejer ta’ Genclerbirligi, Deniz Naki – ta’ nisel Kurd u li għandu ċittadinanza Torka u Ġermaniża — dan ix-xahar iddeċieda li jħalli l-klabb u jitlaq mit-Turkija wara li spiċċa attakkat bi stil razzista. Mifhum li Naki spiċċa l-mira ta’ aggressjoni wara li uża l-media soċjali biex jibgħat messaġġ ta’ kuraġġ lill-Kurdi li kienu qed jiddefendu belt qrib il-fruntiera tas-Sirja mill-offensiva tat-terroristi tal-grupp Stat Iżlamiku (ISIS).

Naki, li kien insulentat online minħabba l-oriġini etniċi tiegħu, anki spiċċa attakkat fiżikament fil-belt ta’ Ankara, il-kapitali Torka, fejn, fost oħrajn, sofra t-tbenġil f’wiċċu.