Baġit 2015 Lokali

L-ewwel reazzjonijiet dwar il-baġit

Baġit li qanqal numru ta’ reazzjonijiet, minn entitajiet soċjali li filwaqt li rrimarkaw fuq xejriet pożittivi, saħħqu fuq kollox fuq il-bżonn ta’ iktar konsultazzjoni, iktar investiment jew qajjmu mistoqsijiet fuq l-impatt taż-żidiet f’ċertu taxxi indiretti. Dan is-sit ħa l-kummenti ta’ numru ta’ entitajiet soċjali.

Il-FORUM Unjins Maltin, filwaqt li kkumentaw b’mod pożittiv fuq it-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul u fit-taxxa tal-tat-trasferiment tal-proprjeta’, qanqlu wkoll tħassib fuq numru ta’ taxxi indiretti. Tkellmu wkoll fuq problemi li fil-baġit ma ġewx indirizzati.

Il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, min-naħa tagħha saħħqet li l-baġit kien wieħed bilanċjat iżda li hemm bżonn ta’ iktar konsultazzjoni. L-għalliema esprimew ukoll riżervi dwar il-fondi allokati għas-settur tal-edukazzjoni u dwar kf dawn se jservu biex jixprunaw dan is-settur.

Il-General Workers Union, min-naħa tagħha, esprimiet sodisfazzjon li l-proposti tagħha ntlaqgħu, fosthom f’dak li għandu x’jaqsam mal-prekarjat, in-nies vulnerabbli u l-kontijiet tad-dawl.

U min-naħa tiegħu, Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin, lissen numru ta’ preokkupazzjonijiet, fosthom dwar it-taxxi indiretti, u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni dwar il-public private partnership li ġiet proposta għas-settur tas-saħħa. Hu esprima t-tama tiegħu li l-istatistiċi li semma’ l-Gvern għat-tkabbir ekonomiku u l-qgħad, jiġu rrealizzati.

Segwi l-kummenti tar-rappreżentanti ta’ dawn l-entitajiet billi tagħfas hawnhekk.