Lokali

L-għoti tal-liċenzja ta’ casino : Ic-Chairman allegatament gideb taħt ġurament

Fid-dawl tas-saga dwar il-proċess ivvizzjat tal-għoti ta’ liċenzja ta’ casino ieħor f’Malta lill-Grupp Eden Leisure, iċ-Chairman tal-Unit tal-Privatizzazzjoni allegatament jigdeb taħt ġurament fil-Qorti. F’Affidavit fil-Qorti ftit tal-ħin ilu Joe Mikallef, bil-ġurament, jgħid li hu ra r-Rapport Tekniku tal-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia.

Emanuel Camilleri, iċ-Chairman tal-Unit tal-Privatizzazzjoni, fix-xhieda tiegħu nhar it-Tnejn li għadda fil-Qorti fil-każ bejn Dragonara Gaming Limited kontra l-Gvern allegatament inqabad jigdeb taħt il-ġurament meta qal li r-Rapport Tekniku tal-Imaħallef Emeritu Geoffrey Valenzia ma kienx lest u kien se jkun inkonklussiv.

Malta Right Now illum terġa’ tisvela kif dan ir-Rapport Tekniku mhux biss kien lest, iżda kien ukoll wieħed konklussiv fis-sens li kien jipproponi bl-aktar mod ċar li fuq il-bażi tal-evalwazzjoni li għamel u fid-dawl tal-maġġoranza ċara tal-membri tal-istess Kumitat Tekniku favur l-offerta magħmula minn Dragonara Gaming Limited, irrakkomanda li d-Dragonara għandha tkun dikjarata bħala r-rebbieħa għal din il-konċessjoni.

F’Rikors ippreżentat il-Qorti aktar kmieni llum wara nofsinhar, Dragonara Gaming Limited talbet lill-Qorti li invista ta’ informazzjoni ġdida li tirriżultalha, il-Qorti għandha tieqaf milli tagħti d-digriet sakemm jinstema’ l-eks Imħallef Geoffrey Valenzia u ssir trattazzjoni ulterjuri biex ikun determinat jekk Emanuel Camilleri qalx il-verità kollha meta kien qiegħed jixhed ilbieraħ it-Tnejn, 17 ta’ Novembru 2014.

Dan fid-dawl tal-fatt li skont Dragonara Gaming Limited jidher ċar li Emanuel Camilleri jdher li ma xehdx is-sewwa minħabba li Joe Mikallef, l-Editur Investigattiv ta’ media.link communications, f’affidavit ippreżentat bil-ġurament ftit tal-ħin ilu fil-Qorti ddikjara li hu ra kopja fotostatika tar-Rapport iffirmat mill-eks Imħallef Geoffrey Valenzia.

Aktar dwar din l-istorja fil-ħarġa ta’ għada tal-ġurnal In-Nazzjon.